“Aħna ninfurzaw ikel tajjeb għas-saħħa; ħafna ġenituri jagħmlu li jridu” – għalliema

Arkivji

Għalliema sostniet li minkejja li hi u bosta kollegi tagħha jaħdmu bis-sħiħ sabiex jinfurzaw il-policy tal-ikel tajjeb għas-saħħa fil-klassijiet, bosta ġenituri xorta jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola b’ikel mhux permessibbli.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt b’reazzjoni għall-artiklu fejn ġenituri qalu li raw lill-assistenti kapijiet tal-iskola u segretarji jieklu l-burgers.

“Kulħadd jieħu pjaċir jiekol party food”

L-għalliema spjegat li hi u ħafna għalliema oħra ma jaqblux mar-regola l-ġdida li tgħid li t-tfal ma jistgħux jieħdu iktar ikel bħall-pastizzi usausage rolls għall-festini tal-Milied fl-iskejjel. Qalet li fil-Milied kulħadd jieħu pjaċir jiekol “party food”. Sostniet li taqbel li t-tfal ma jitħallewx jieklu ikel li mhux tajjeb għas-saħħa waqt il-ħinijiet tal-iskola, iżda mbagħad għandhom ikunu l-ġenituri li jkomplu fuq il-ħidma tal-għalliema u ma jħallux lil uliedhom jieklu ħafna ikel mhux tajjeb għas-saħħa.

“Għandna dritt nordnaw li rridu għall-ikel”

Kompliet tispjega li kull għalliem jew assistent kap għandu d-dritt li jordna xi ħaġa tal-ikel fil-ħin tal-brejk bħal kull kariga ta’ xogħol ieħor. Insistiet li mhux sew li jintefa’ dell ikrah fuq l-għalliema b’dan il-mod. Fakkret li l-ġenituri huma responsabbli għall-edukazzjoni ta’ wliedhom iktar milli huma responsabbli l-għalliema.

Fuq l-istess linja kien hemm bosta għalliema oħra li kkummentaw fuq l-artiklu u insistew li mhux l-ewwel darba li jkun hemm ġenituri li wara li t-tfal joħorġu mill-iskola, imorru jixtrulhom il-pastizzi.