AĦNA MHUX SE NISKTU

Lill-assassini li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u lil dawk li ħallsuhom ngħidulhom li ma nibżgħux minnhom.
Lill-forzi tal-ordni li għal snin sħaħ naqsu minn dmirhom u ħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom ngħidulhom misskom tistħu.
Lill-politiċi li ħallew lil dawk li jmexxu l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex iserrħu moħħ il-poplu li f’pajjiżna ssaltan il-liġi u mhux is-selvaġiżmu tal-ġungla, iżda naqsu minn dmirhom, ngħidulhom li qed jittradixxu l-ġurament li ħadu.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata tort tagħkom.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata għax tul dawn l-aħħar snin intom skittu minflok tkellimtu, intom irqadtu minflok ħadtu azzjoni kontra l-korrotti. Idejkom illum huma mċappsa bid-demm ta’ ġurnalista li l-uniku “delitt” tagħha huwa li ġġieldet għall-verità.
U jekk jogħġobkom toqogħdux tinħbew wara l-għajta li tridu l-għaqda nazzjonali għax l-għajta tagħkom hija għal għaqda nazzjonali fażulla, taparsi. L-għaqda nazzjonali vera tinbena fuq il-ġustizzja, is-sewwa, l-indafa fil-politika, it-trasparenza, il-libertà u l-ħarsien tad-dinjità ta' kull wieħed u waħda minna.
Bil-ħidma ġurnalistika tagħna aħna se niġġieldu biex nerġgħu niksbu dan kollu. Aħna se nkomplu nwettqu l-ħidma tagħna bla biża’ u bla favuri.
Għalhekk aħna nimpenjaw ruħna pubblikament biex inkomplu nsaħħu l-ġurnaliżmu ħieles. Aħna nappellaw lil dawk kollha li jistgħu  jkunu sors ta' storja ġurnalistika – kemm jekk kienu sorsi ta' Daphne jew le – javviċinawna. Nassigurawhom li aħna nħarsu l-identità tagħhom u li nsegwu b'kuraġġ u bi professjonalità kull ħjiel li tgħaddulna.
Ikkuntattjawni fuq joseph.borg@um.edu.mt
Aħna qegħdin biex inservukom.
Fr Joe Borg