Aħna mhux annimali imma wlied Alla

Il-Papa Franġisku reġa' beda jqaddes f'Santa Martha wara waqfa għas-sajf

Waqt il-quddiesa f’Santa Marta li l-Papa Franġisku reġa’ beda jqaddes wara l-vaganzi tas-sajf,  qal li fil-qalb ta’ kull bniedem hemm żewġ spirti li kuljum jikkonfrontaw lil xulxin: l-“ispirtu tad-dinja” u “l-ispirtu ta’ Alla.” Dan il-kunflitt f’qalb il-bniedem jixbah kamp tal-battalja.

Il-Papa qal li l-Ispirtu s-Santu hu dak li jmexxina biex nagħrfu l’Alla, nifhmu Qalbu u naqsmu s-sentimenti Tiegħu. Il-bniedem waħdu ma jifhimx l-affarijiet tal-Ispirtu.

“L-Ispirtu t’Alla, li jwassalna biex nagħmlu affarijiet tajba, karità, fraternità, naduraw ‘l Alla, nagħrfu lil Kristu, biex nagħmlu ħafna opri ta’ karità u nitolbu. Min-naħa l-oħra, l-ispirtu l-ieħor – dak tad-dinja – imexxina lejn il-vanità, is-suppervja, it-tqasqis, triq kompletament differenti. Darba qaddis qal li qalbna hi bħal kamp tal-battalja, post ta’ ġlied fejn dawn iż-żewġ spirti jikkumbattu,” qal il-Papa.

Kuljum, kull Nisrani, fakkar il-Papa, “irid jiġġieled biex jagħmel il-wisa’ għall-Ispirtu t’Alla u jkeċċi l-ispirtu tad-dinja. Biex nidentifikaw it-tentazzjonijiet, biex jifhem kif dawn il-forzi opposti jaħdmu,” il-Papa Franġisku ssuġġerixxa li kuljum nagħmlu eżami tal-kuxjenza.

“Dan hu sempliċi: aħna għandna dan ir-rigal kbir li hu l-Ispirtu t’Alla, iżda aħna dgħajfa, aħna midinba u għandna t-tentazzjoni tal-ispirtu tad-dinja. F’din it-taqbida spiritwali, f’din il-ġlieda tal-ispirti, irridu nirbħu kif għamel Ġesù.”

Kull filgħaxija, qal il-Papa, in-Nisrani għandu jirrifletti jekk matul il-jum irnexxilux jimita lil Kristu jew jekk ħalliex is-suppervja u l-vanità jirbħu. Irridu nirrikonoxxu dak li jiġri f’qalbna.

“Jekk ma nagħmlux hekk, jekk ma nafux x’inhu jiġri f’qalbna – u dan mhux jien qed ngħidu imma l-Bibbja – insiru bħal ‘annimali li ma nifhmu xejn’ li ngħixu biss bl-istint.”

“Imma aħna mhux annimali,” enfasizza l-Papa, “aħna wlied Alla, mgħammda u għandna r-rigal tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk hu importanti li nifhmu x’jiġri kuljum f’qalbna. Nitolbu l’Alla biex jgħallimna ħalli kuljum nagħmlu eżami tal-kuxjenza.”