“Aħna ma nixtiqux inkunu bla eżami” – studenti

Studenti tal-Form 4 qalu ma’ Newsbook.com.mt li ma jixtiqux li jkunu bla eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika speċjalment meta jinsabu tant viċin tal-eżamijiet tal-O-Levels.

Dan hekk kif l-MUT ħabbret b’mod uffiċjali li l-eżamijiet ta’ tmiem is-sena tal-Malti u tal-Matematika tas-snin kollha fl-iskejjel sekondarji mhux se jsiru. Dan wara li ttieħed vot unanimu mill-membri affettwati u wara diskussjoni mal-Kunsill tal-MUT. Ir-raġuni li tat għal dan hija li l-għalliema taż-żewġ suġġetti ilhom fuq sena jitgħabbew b’wisq xogħol, u minkejja l-isforzi tal-MUT biex din it-tagħbija tittaffa, il-Ministeru għall-Edukazzjoni “baqa’ jkaxkar saqajh” u baqa’ “jiggrava” s-sitwazzjoni minflok ma jtejjibha.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

L-istudenti sostnew li fl-istess ħin ma jridux jispiċċaw jieħdu qatgħa dakinhar tal-eżami għax jaraw karta straordinarja b’mistoqsijiet li qatt ma kienu raw qabel u oħrajn mill-karti tal-eżamijiet tal-aħħar sentejn, kif sostnew ġara fl-eżamijiet ta’ nofs is-sena.

“Aħjar din is-sitwazzjoni ġrat fuq suġġetti oħrajn mhux Malti u Matematika”

Studenti tal-Form 4 qalu ma’ Newsbook.com.mt li kien ikun aħjar jekk is-sitwazzjoni li mhux se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika ġrat fuq suġġetti oħrajn u mhux fuq tnejn tant importanti għall-istudenti.

Aqra: L-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika se jsiru fl-iskejjel tal-Knisja

L-istudenti li talbu sabiex jibqgħu anonimi spjegaw li fl-eżamijiet ta’ nofs is-sena kienu f’sitwazzjoni simili għal t’issa, imbagħad spiċċaw sabiex ħadmu żewġ karti ta’ reviżjoni b’eżami mhux tas-soltu, fejn fost difetti oħrajn qalu li kien hemm nieqsa wkoll il-kategorija tal-letteratura. L-istudenti rrimarkaw li minkejja li l-eżamijiet ta’ nofs is-sena għaddew, l-eżamijiet annwali huma differenti hekk kif kien hemm ħafna materjal ġdid x’jistudjaw bħar-rumanzett li jinqara fis-sena skolastika partikolari.

“Ikun aħjar li dis-sitwazzjoni ġrat fil-Ġeografija u l-Istorja”

L-istudenti tennew li ż-żewġ suġġetti inkwistjoni huma importanti ħafna u jippreferu li kieku dawn kienu f’suġġetti bħall-Ġeografija u l-Istorja. Tennew li dawn huma s-suġġetti li mhumiex ta’ importanza daqs il-Matematika u l-Malti.

Aqra: Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet