“Aħna ma nitgħallmu qatt” – Mario de Marco

Mario DeMarco
Miguela Xuereb

Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco staqsa jekk it-tax deferrals li tħabbru din is-sena, hux se jkollhom jitħallsu s-sena d-dieħla hekk kif il-Gvern se jbassar li se jkun qed idaħħal f’income tax iktar mis-sena li għaddiet.

Huwa qal li l-Gvern ħabbar l-ikbar defiċit li qatt ġie rreġistrat f’Malta ta’ €2,000 biljun, li hu l-ogħla mid-defiċit ta’ €423 biljun meta l-Gvern kien assorba d-dejn tad-Drydocks.

Meta kien qed jitkellem waqt l-estimi ġenerali fi stadju ta’ kumitat ta’ provvista għall-Ministeru tal-Finanzi, de Marco qal li filwaqt li l-Moneyval ta lill-Gvern sena biex jagħmel it-tibdil meħtieġ, il-Gvern kien iffukat biex isalva s-sitwazzjoni u reġa’ mar lura daqs granċ wara li faqqa’ l-aħħar skandlu tal-Kap Eżekuttiv tal-MFSA flimkien mad-direttur tal-FIAU li aċċettaw vaganza mħallsa minn Yorgen Fench f’Las Vegas.

“Il-problema ta’ dan il-pajjiż hi li ma nitgħallmu qatt, li l-Gvern Laburista ma jitgħallem qatt! Minkejja l-isforzi li saru biex inpattu għan-nuqqasijiet li kellna, we are back to square one,” stqarr de Marco.

Huwa qal li minkejja li l-Gvern wera fiduċja f’Joseph Cuschieri, Kap Eżekuttiv ta’ MFSA billi offrielu l-aqwa pakkett finanzjarju, l-istess Kap Eżekuttiv sarraf din il-lealtà billi fi żmien xahar mindu ngħata l-inkarigu l-ġdid, aċċetta konsulenza mingħand Fenech fuq il-gaming.

De Marco kkwota lill-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-BOV li stqarr li Malta saret High Risk Jurisdiction, jiġifieri pajjiż b’reputazzjoni ħażina. Huwa qal li l-aħħar daqqa ta’ ħatra ngħatat mill-BOV, li ħabbar li l-bank Awstrijakk Raiffeisen Bank se jtemm il-kollaborazzjoni bħala correspondent bank mal-bank Malti.