“Aħna ma nagħżlux bejn Iżrael u l-Palestina” – Abela

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela, sostna li Malta tagħżilx bejn Iżrael  u l-Palestina, u lanqas bil-maqlub.
Meta kien mas-27 Ministru għall-Affarijiet Barranin waqt kolazzjon informali fi Brussell, Abela enfasizza li ż-żewġ popli jistgħu jgħixu fl-istat rispettiv tagħhom f’għarfien reċiproku, fis-sliem u fis-sigurtà.
Qal dan fil-preżenza tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.
Abela esprima tħassib dwar it-tħabbira li għamel il-ġimgħa li għaddiet il-President Amerikan Trump dwar Ġerusalemm u r-riperkussjonijiet li jista’ jkollha fuq il-prospetti tal-paċi.
“Malta se tibqa’ tirrispetta l-qbil ġenerali internazzjonali dwar Ġerusalemm u l-ambaxxata tagħna se tibqa’ f’Tel Aviv sakemm tinstab soluzzjoni finali dwar l-istatus ta’ Ġerusalemm”, qal il-Ministru.
Il-ġimgħa l-oħra kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni qalu li l-aħjar soluzzjoni tkun li l-Lvant ta’ Ġerusalemm ikun tal-istat futur tal-Palestina u l-Punent tal-istat Iżraeljan preżenti.
L-aġenda kienet tinkludi wkoll is-sitwazzjoni fl-Iraq, l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani, u l-Libja.
Il-Ministru tkellem dwar iż-żjara li għamel ix-xahar li għadda fil-Libja, u argumenta li dan juri l-appoġġ qawwi ta’ Malta u tal-komunità internazzjonali biex jgħinu lill-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali jistabbilixxi mill-ġdid il-paċi u l-prosperità fil-Libja.
Aktar tard dan ix-xahar, Abela se jagħmel żjara uffiċjali fl-Iżrael u fil-Palestina għal taħditiet dwar kif jistgħu jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u dawk bilaterali.