Aħna lkoll responsabbli – l-FIAU twieġeb l-akkuża li l-AĠ irid ixekkel il-libertà

Il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi u d-Direttur tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) qalu li huma lkoll flimkien huma responsabbli għat-talba lit-Tribunal Industrijali biex: 

  1. Il-kawża fit-tribunal industrijali fil-konfront ta’ Jonathan Ferris, eksimpjegat tal-FIAU li qed jallega li tkeċċa inġustament,  tinstema’ fil-magħluq,
  2. L-affidavit tiegħu ma jkunx parti mill-proċess għax jipperikola s-sigurtà nazzjonali,
  3. U li Ferris ikun ipprojbit milli jagħti intervisti lill-midja

Il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi li qed jieħdu responsabbiltà huma l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech, li huwa ċ-Chairman, Dr Anton Bartolo, li huwa Deputat Chairman, u l-membri l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u Jesmond Gatt. Id-Direttur huwa Kenneth Farrugia.
Huma qed jgħidu li t-talba tagħhom ma saritx biex tagħlaq ħalq xi ħadd iżda saret biex tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ Malta u l-liġi li titlob li dak li jiġri fi ħdan l-FIAU jibqa’ kunfidenzjali. Qalu li jridu joħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-akkużant Jonathan Ferris u d-drittijiet tal-FIAU.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa lbieraħ talab l-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea, għax skont hu, l-FIAU qed tuża r-raġuni tas-sigurtà nazzjonali, biex taħbi affidavit li sar mill-eksinvestigatur tal-FIAU.
David Casa bagħat imejl lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, fejn talbu l-appoġġ li għandha bżonn Malta, fl-isfida biex issalva s-Saltna tad-Dritt.
L-avukat Jason Azzopardi meta tkellem fil-programm Newsline fuq RTK, bħala l-avukat ta’ Jonathan Ferris, qal li dak li dak li qed titlob l-FIAU jmur kontra l-interess tal-ġustizzja.
Dr Azzopardi sostna li l-uniku każ fi tribunal industrijali li għandu jistema’ fil-magħluq huwa dak li jiswa l-interess tal-ġustizzja, u mhux dak li jiswa l-interess tal-istat.