Aħna lkoll responsabbli għall-ħajja ta’ ħutna

Refuġjati jġorru Salib imlibbes life jacket

“Il-problema tal-emigrazzjoniy r-refuġjati mhux se tissolva billi nimblukkaw il-vapuri. Aħna fid-dmir li ngħinu u nsalvaw għax aħna lkoll responsabbli għall-ħajja ta’ ħutna u Alla jitlobna kont ta’ għemilna f’Jum il-Ġudizzju”.

Il-Papa Franġisku qal dan meta ltaqa’ ma grupp ta’ refuġjati li waslu fl-Italja dan l-aħħar mill-għira Ġriega ta’ Lesbos. Il-Papa kellu salib ta’ materjal trasparenti, imlibbes ‘life jacket’ fil-bieb tal-Palazz Appostoliku b’tifkira tal-emigranti u r-refuġjati.

Għal din il-laqgħa kien hemm 33 refuġjat minn pajjiżi differenti fosthom l-Afghanistan, il-Cameroon u Togo u minn Lesbos fejn il-Papa kien għamel żjara f’April 2016. Dawn ir-refuġjati waslu f’Ruma fl-4 ta’ Diċembru fuq xewqa tal-Papa stess u grazzi għas-Santa Sede u l-Komunità Sant’Egidio. Fost dawn kien hemm 14 il-tifel u tifla taħt l-età. Madwar 12 minn dawn ir-refuġjati huma nsara.

Aħna responsabbli

Malli waslu fil-Palazz Appostoliku, l-Papa Franġisku waqaf jgħannaq tifla żgħira likienet bil-qegħda fl-art u mbagħad qal kelmtejn lir-refuġjati.

“Kif nistgħu ma nisimgħux l-għajta ddisprata ta’ tant minn ħutna li jippreferixxu jiffaċċjaw il-baħar imqalleb milli jmutu bil-mod fil-kampijiet ta’ detenzjoni Libjani, postijiet ta’ tortura jew skjavitu?”, staqsa l-Papa filwaqt li rringrazzja ’l Alla għal dawk li ddeċidew li ma jibqgħux indifferenti u jgħinu lil dawk li kienu fil-periklu.

Imsallba b’Life Jacket

Il-Papa spjega għaliex iddeċieda li juri dak il-“life jacket” imsallab. Dan għamlu biex ifakkarna  li għandna nżommu għajnejna u qalbna miftuħa  biex kulħadd jiftakar fid-dmir tagħna li nsalvaw kull ħajja umana u dan hu dover morali li jgħaqqad kemm lil dawk li jemmnu kif ukoll lil dawk li ma jemmnux.

“Fit-tradizzjoni nisranija, is-salib hu simbolu tat-tbatija u s-sagrifiċċju u fl-istess ħin hu sindjal tar-redenzjoni u s-salvazzjoni. Is-salib hu trasparenti għax jisfidana biex inħarsu lejh b’aktar attenzjoni u nfittxu dejjem il-verità”.  Il-Papa kompla jispjega li “is-salib jixgħel għax hu disinjat biex jinkoraġixxi l-fidi fir-Resurezzjoni u r-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt” u l-emigrant mhux magħruf li tilef ħajtu bit-tama ta’ ħajja aħjar, jipparteċipaw koll f’din ir-rebħa.”

Il-laqgħa ntemmet bi stedina tal-Papa biex kulħadd jitlob waqt li jħares lejn is-salib bil-“lie jacket”. Wara hu kellem lir-refuħjati pesonalment u ta attenzjoni partikolari lit-tfal.