“Aħna lkoll bnedmin, bl-istess demm, qalb u ruħ” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt attività politika fis-Siġġiewi, qal li kulħadd huwa bniedem, bl-istess demm, qalb u ruħ u l-kulur tal-ġilda ma għandux jagħmel differenza.

Hu fetaħ id-diskors tiegħu b’riflessjoni dwar l-aħħar żviluppi tal-qtil tal-immigrant Lassane Sisse, li propju lbieraħ ġew arrestati żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta b’rabta mal-istess każ. Delia rrimarka li l-ħajja ta’ kulħadd hija importanti. Tenna li l-aħbar tal-qtil ta’ Sisse kienet xokkanti minnha nnifisha, iżda aktar xokkanti hija l-pożizzjoni li kienu jokkupaw il-persuni li tressqu akkużati bir-reat.

Irrimarka li ma nistgħux naċċettaw li dan il-pajjiż ikun il-pajjiż assoċjat mar-razziżmu. Semma li t-tfal illum il-ġurnata qed jagħmlu s-sigħat jilgħabu logħob vjolenti li qed iwasslu sabiex ir-razziżmu qed jinbed. Intant insista li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jgħid li Malta huwa pajjiż sigur.

“Il-Gvern qed jappoġġa lil min irid jirregolalna t-taxxa”

Delia sostna li fir-rigward tal-elezzjonijiet li ġejjin, il-Gvern wera li qed jappoġġja li d-deċiżjoni dwar it-taxxa tibda tiddieħed mill-Unjoni Ewropa. Insista li l-Gvern irid ikissru dan is-settur għax ma tibqax tiddeċiedi Malta fuq it-taxxa tal-pajjiż imma tibda tiddeċiedi l-Ewropa.

“Min hu korrott ma jistax jiġġieled il-korruzzjoni”

Delia insista li min hu korrott ma jistax jiġġieled il-korruzzjoni “għax tkun fnietu.” Tenna li min jinkoraġġixxi l-ħsara lill-pajjiż ikun qed jagħmel il-ħsara lil pajjiż hu wkoll.

“Minflok jagħti kuraġġ, jipprova jkompli jifred” – PL

Intant il-Partit Laburista sostna li Adrian Delia prova jifred u jippolitiċizza l-kwistjoni tal-każ ta’ Sisse. Ġie rrimarkat, li l-inċident huwa wieħed li hu kundannabli b’mod assolut ma jiddefinixxix lill-pajjiż jew lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.