“Aħna lkoll aħwa” – L-għajta tal-Papa Franġisku f’kamp tar-refuġjati

Ftit wara l-wasla tiegħu fir Repubblika Ċentru-Afrikana, l-aħħar pajjiż li se jżur waqt dan il-vjaġġ appostoliku fl-Afrika, il-Papa Franġisku żar kamp tar-refuġjati fil-kapitali Bangui.
F’dan il-kamp, jgħixu nies li kellhom jitilqu djarhom minħabba ġlied bejn l-Insara u l-Musulmani, attakki li ħallew diversi persuni mejta.
Imdawwar bit-tfal, il-Papa ħalla l-karti biex tkellem mar-residenti u qalilhom li “aħna kollha aħwa minkejja li ġejjin minn reliġjonijiet u gruppi etniċi differenti.”
Il-Papa saħaq li hemm bżonn li kulħadd jitlob u jaħdem għall-paċi u wissa li “l-paċi ma tistax tkun possibli, mingħajr ħbiberija, tolleranza u maħfra.”
Il-Papa Franġisku żied jgħid li x-xewqa tiegħu hi li r-Repubblika Ċentru-Afrikana ssib il-paċi u kulħadd jgħix flimkien minkejja d-differenzi etniċi, kulturali, soċjali u reliġjużi li jeżistu fil-pajjiż.
Fl-aħħarnett ħeġġeġ lil dawk kollha li kienu preżenti biex b’vuċi għolja jgħidu miegħu “aħna lkoll aħwa.”
Aktar tard illum, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja, il-Papa Franġisku se jsir l-ewwel Papa li se jkun qed jiftaħ l-ewwel Bieb tal-Ħniena barra minn Ruma.
Dan se jagħti bidu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Bangui.
Għada, il-Papa Franġisku se jkun qed iżur ukoll Moskea.