“Aħna lanqas biss nafu x’jiġifieri li ma jkollokx flus biex tixtri mqar pakkett ħalib” – Fr Louis

Fi tmiem din il-ġimgħa, il-maratona Oħloq Tbissima ser terġa’ tkun magħna din id-darba b’inqas ħin u mxandra mil-istudjows ta’ CPi Media; studjows li minnhom jittellgħu diversi programmi soċjo-reliġjużi li jixxandru fuq diversi stazzjonijiet tat-televizjoni lokali. 

Fil-fatt l-idea tal-maratona biex jinġabru fondi għall-Missjonijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fost il-fqar fil-Peru, Pakistan u l-Filippini, ġiet wara x-xandir ta’ dawn il-programmi mill-istudjos ta’ CPi Media. 

“Oħloq Tbissima 18-il sena ilu kienet tittella’ fil-bitħa tad-dar ta’ San Ġużepp imma din is-sena minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid 19, ħsibna li norganizzawha u noħolqu sets intertessani u sbieħ fl-istudjows tagħna,” qalilna Fr Louis.

Hekk, minkejja kollox, anki din is-sena nistgħu ngħinu lil dawn il-patrijiet Maltin, ikollhom il-fondi meħtieġa biex jixtru l-ikel għal tant u tant fqar, li minħabba l-COVID-19 u minħabba l-lock down li ilhom bih għal dawn l-aħħar erba’ xhur, jingħataw l-ikel kulljum.

Dawn il-fqar li ilhom fil-lock down, tilfu l-ftit xogħol li kien ikollhom biex ikollhom il-flus biex jixtru x’jieklu għalihom u għal familji tagħhom. Dan in-nuqqas ta’ xogħol ġab miżerja u nkwiet kbir f’dawn il-familji għax li kieku ma kienx għall-Patrijiet Maltin, kieku, kif qalilna Fr Alex Busuttil, li jaħdem f’Arequipa l-Peru, dawn in-nies imutu bil-ġuħ u mhux bil-covid-19.

Hu propju għalhekk li din is-sena kien deċiż li l-maratona ssir biex jinġabru fondi biex dawn il-fqar ikunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn ftit ikel kulljum.   

“Aħna lanqas biss nafu x’jiġifieri li ma jkollokx flus biex tixtri mqar pakkett ħalib, ftit ħobż u ross biex almenu l-familji, u l-aktar it-tfal u l-anzjani jieklu mqar darba kulljum” qal Fr Louis Mallia, Direttur ta’ CPi Media. 

“Għalhekk qed nitolbu biex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu ġenerużi u jifhmu li barra minn xtutna hemm ħafna nies li litteralment ma għandhom xejn.  Aħna diffiċli nifhmu x’inhu ix-xejn, imma din hi realtà’ li qed jgħixu biha kulljum, kull ġurnata”.

Huwa f’dan il-kuntest li qed issir l-istedina biex minn nhar il-Ġimgħa 17 ta’Lulju fil-5.00pm il-poplu Malti u Għawdxi jsegwi l-maratona Oħloq Tbissima fuq F-Living, li ser ixandar il-maratona kollha tul it-tlett ijiem, u kif ukoll jidħlu fuq One, Net u TVM2 għax dawn ukoll ser ixandru ħinijiet fuq l-istazzjonijiet tagħhom. Il-maratona ser tkun ukoll streamed live fuq il-Facebook page ta’ Oħloq Tbissima.

Minbarra l-features li bagħtul l-patrijiet missjunarji nfushom, biex jaqsmu l-informazzjoni dwar dak li qed jgħixu llum, ser ikun hemm ukoll kollegamenti bi 
skype mal-Peru, Pakistan u l-Filippini, u waqt dawn it-tlett serati ser ikun hemm fost l-aqwa kantanti Maltin biex jinterpretaw kanzunetta mir-repertorju tagħhom. Preżentaturi li ma għandhomx bżonn ta’ ntroduzzjoni ser ikunu qed jippreżentaw dawn it-tlett serati mill-5.00pm sa nofs il-lejl kulljum.

Id-donazzjonijiet jistgħu isiru b’diversi modi. Wieħed jista’ jmur fid-Dar ta’ San Ġużepp Santa Venera, biex jagħti d-donazzjoni tiegħu personalment. Jistgħu isiru wkoll donazzjonijiet permezz tat-telefon fuq in-Numri li ser jintwerew matul ix-xandirijiet kulljum.

Wieħed jista’ jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu minn issa billi jċempel fuq dawn n-numri:

51002031 – €20
51902080 – €50

Wieħed jista’ ukoll jibgħat SMS:

50619285 – €11.65

Il-linja tal-pleġġ ser tinfetaħ dakinhar tax-xandira u ser ikollha in-numru 21445544

Donazzjonijiet, anki minn barra min Malta, se jkunu possibbli permezz tas-sit www.ohloqtbissima.com.

Il-Missjunarji li ħallew kollox u qed jippruvaw jagħtu dinjità lil ħafna fqar jirringrazzjawkom bil-quddiem.  GRAZZI

Din l-informazzjoni twasslet minn CPI Media.