Aħna l-Maltin u t-Teatru

Ritratt: Facebook/CarlosFarrugia

L-atturi Carlos Farrugia u Dominic Said, il-kantanti Mike Spiteri, Kaya, Jessica Magro u Jurgen Volkov flimkien ma’ żeffiena minn Dancel Dance Studio se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li tixxandar fuq Net Television mit-8.30pm ‘il quddiem.

Minbarra l-mużika live u d-divertiment, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, attrazzjoni ġdida minn dan l-istaġun hija d-diskussjoni Aħna l-Maltin. Din il-ġimgħa l-panel ta’ personalitajiet se jiddiskuti kif aħna l-Maltin inħarsu lejn il-produzzjonijiet teatrali. Illum jitħabbru wkoll l-ismijiet tal-kantanti li għaddew għat-tieni fażi ta’ The Entertainers Singing Challenge.

Bi preżentazzjoni tal-kantant u xowman popolari Janvil, The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili u bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mudelli.