Read in English.
Uffiċjali tal-LESA f’Malta jistgħu jintbagħtu għax-xogħol f’Għawdex, meta ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema f’Għawdex. Dan ikkonfermatu l-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA) ma’ Newsbook.com.mt.
Il-Kap tal-LESA, Svetlick Flores, qal li l-aġenzija tqassam ir-riżorsi tagħha skont il-bżonn u li dan ifisser li jkun hemm ċirkostanzi fejn uffiċjali minn Malta jintalbu jaħdmu f’Għawdex. Flores qal li s-sahra tiġi offruta lill-impjegati kollha, irrispettivament għar-reġjun. Saħaq li l-impjegati jiġu offruti overtime skont il-bżonnijiet tal-aġenzija.
Din il-kamra tal-aħbarijiet talbet lil din l-aġenzija tikkonferma jekk uffiċjali minn Malta hux qed jintbagħtu Għawdex b’detriment li l-kollegi tagħhom f’Għawdex ma jingħatawx sigħat overtime.
Fi 3 ġimgħat taw 2,676 kontravenzjoni
B’rabta mar-regolamenti tal-coronavirus, f’temp ta’ tliet ġimgħat, uffiċjali tal-LESA taw 2,676 ċitazzjoni, bejn is-26 ta’ Ottubru u s-16 ta’ Novembru.
Fis-26 ta’ Ottubru l-Gvern ħabbar li l-bars u l-każini se jingħalqu bejn id-29 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Diċembru. Aktar tard introduċa miżuri ġodda, li ma jippermettux aktar minn sitt persuni f’postijiet pubbliċi u l-użu mandatorju tal-maskri.
Min jinqabad bla maskra jeħel multa ta’ €100, li jekk titħallas minnufih tinżel għal €50. Dawk li jiksru r-regolamenti tad-distanza soċjali jeħlu €200 jew inkella €100 jekk iħallsu mill-ewwel.
Dawn il-miżuri ddaħħlu fis-seħħ hekk kif Malta qed tkompli tissielet mat-tieni mewġa tal-coronavirus.