Aħjar niftħu l-iskejjel u nagħlqu l-gyms u l-bars – Dr Balzan

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) Dr Martin Balzan saħaq li filwaqt li l-iskejjel għandhom jiftħu, għandhom jingħalqu l-gyms, bars u każini li mhumiex essenzjali.

Dr Balzan kien qed jiġi intervistat minn Sylvana Debono waqt What’s on Newsbook fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart. Kompla jispjega li jekk jingħalqu xi stabbilimenti dawn għandhom jiġu kkumpensati mill-Gvern.

Huwa stqarr li bin-numri tal-każi pożittivi dejjem jiżdiedu hemm ir-riskju li f’temp ta’ tliet ġimgħat ikun hemm każi fost l-istudenti u l-għalliema. Għaldaqstant enfasizza li m’għandux ikun hemm lockdown imma iktar miżuri u infurzar.

“Għadu qed jintbagħat il-messaġġ li l-Covid-19 mhi xejn iktar minn influwenza, u dan qed iwassal biex in-nies ma jagħtux każ u mhux dejjem jilbsu l-maskra. Għandna bżonn kampanja f’saħħitha ta’ saħħa pubblika, biex in-nies jikkoperaw u jinżlu n-numri”, kompla jgħid.

Il-President tal-MAM jara żewġ problemi dwar il-pandemija tal-coronavirus f’Malta: żied fin-numri ta’ każi pożittivi, u li l-każi fil-homes tal-anzjani jfissru iktar kumplikazzjonijiet u iktar mortalità.

Semma wkoll il-bżonn li n-nies jiġu sensibilizzati għall-protezzjoni tagħhom kif ukoll ħtieġa ta’ dixxiplina ma’ dawk li ma jikkoperawx.  Appella għal iktar infurzar tal-maskra fuq il-vapur ta’ Għawdex.

Dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei, Martin Balzan qal li l-isptar qed josserva protokolli stretti filwaqt li l-pazjenti jiġu ttestjati kollha. Stqarr però li għandha tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ wħud mill-impjegati fl-isptar li ma jirrispettawhomx.

Fl-aħħar 24 siegħa, l-awtoritajiet tas-saħħa sabu 38 każ pożittiv ġdid ta’ Covid-19. Mill-45 każ tal-bieraħ, 14 ma nafux minn fejn oriġinaw.

It-Tlieta 22 ta’ Settembru:
38 każ ġdid tal-coronavirus; ifiqu 34

Taqbel mal-proposta tal-MAM? Aħjar jiftħu l-iskejjel u jagħlqu l-bars u l-gyms?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna imejl fuq info@newsbook.com.mt