Aħjar niffukaw fuq l-individwu milli fl-attivitajiet tal-massa? – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech staqsa jekk ikunx aktar evanġeliku li l-Knisja tnaqqas l-attività maħsuba għall-massa u żżid il-ħidma karitattiva mal-individwu.
Huwa kien qed jitkellem fi tmiem is-Simpożju Marjoloġiku-Marjan bit-tema “Marija Omm il-Knisja u fi ħdan il-Knisja”, organizzat mis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.
Mons. Grech stqarr li ħadd m’għandu ħin u sabar għal ħadd, lanqas fil-familja. 
Semma fost l-oħrajn elementi bħall-egoiżmu, l-individwaliżmu, l-iżolament u d-dipendenzi, li qed iwasslu biex il-bniedem ibati mis-sindromu tal-abbandun.
Saħaq li għaldaqstant il-Knisja ma tistax ma tkunx omm, f’epoka li qed tinħakem mill-psikoloġija tal-iltim.
L-Isqof fisser li hu għalhekk li hemm bżonn li l-attenzjoni għandha tinfirex aktar għall-individwalità tal-bniedem li għandu bżonn appoġġ affettiv, morali, spiritwali u anke materjali.
Huwa qal li f’dan il-kuntest ta’ baħħ soċjali-spiritwali fejn il-bniedem għandu bżonn ‘il-Knisja Omm’ li tgħinu jħabbat wiċċu ma’ atteġġjamenti skarsi mill-umanità, f’kultura li tfittex biss l-effiċjenza u l-qligħ.
Spjega li bħal Marija Omm il-Knisja, il-poplu t’Alla għandu jkollu l-ħila li jagħti l-għajnuna f’waqtha lil min jeħtieġha.