“Aħjar nibdlu l-fjuwil li nużaw” – Cutajar

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar qalet li filwaqt li qed jiġu diskussi l-prezz tal-petrol u d-diesel, il-mira ta’ Malta għandha tkun li s-sorsi tal-enerġija li tuża jkunu iżjed nodfa.

Aqra: Jogħla l-prezz tal-fjuwil minn għada

Dan qalitu fid-dawl taż-żieda ta’ 5ċ fil-prezz tal-petrol u d-diesel minn dan ix-xahar ‘l quddiem. Cutajar qalet li filwaqt li tifhem lil min jgħid li żieda bħal din tagħmillu differenza, l-enerġija bbażata fuq iż-żejt tiddependi fuq suq volatili li faċilment iħalli impatt fuq il-prezzijiet tal-fjuwil.

Aqra: Battibekk bejn il-partiti dwar il-prezz tal-fjuwil

L-aktar ħaġa importanti, fi kliemha, huwa li t-tir tal-Gvern li jżomm ir-rati fl-aktar livelli baxxi possibbli għadu qed jintlaħaq. Qalet li wasal iż-żmien li jiġu addottati metodi tat-trasport aktar effiċjenti u nodfa, u li l-vetturi privati jkunu jikkawżaw l-inqas ħsara ambjentali possibbli.

Aqra: Il-UĦM trid kumpens għall-ħaddiema minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil

Aqra: Il-GWU titlob lill-Gvern jagħti kumpens għall-għoli tal-fjuwil

Fi stqarrija ġie spjegat li l-ġimgħa li għaddiet, fil-Parlament Ewropew Cutajar talbet lill-Presidenza Finlandiża aktar ċarezza dwar il-politika li se timbotta fil-qasam tat-trasport marittimu, qasam li hi sejħitlu kruċjali għal Malta. F’diskussjoni oħra li trattat it-turiżmu sostenibbli, Cutajar enfasizzat il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-akbar sorsi tat-tniġġis relatati mal-qasam turistiku, jiġifieri l-mezzi tat-trasport tal-massa, u kif dawn jeħtieġu regolamenti moderni u iktar sensittivi għall-ambjent.