Filmat: “Aħjar nagħmlu ġimgħa aktar ġewwa milli jkun hawn l-imwiet” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-pubbliku u qal li aħjar kulħadd iqatta’ ġimgħa aktar ġewwa milli jkun hawn l-imwiet ta’ persuni maħbubin. 

Hu qal dan f’diskors imxandar fuq Facebook dalgħodu. Delia tkellem dwar l-ordnijiet maħruġa mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Dr Charmaine Gauci l-Ħamis li għadda. Dawn jirrigwardaw 118,000 persuna fil-popolazzjoni. Delia sostna li kien ċar li l-qraba u l-membri kollha li jgħixu taħt l-istess saqaf ma’ dan is-settur tal-popolazzjoni, partikolarment anzjani ta’ 65 sena ‘l fuq u persuni li jsofru minn xi mard jew mard kroniku wkoll ma kellhomx joħorġu minn djarhom sakemm mhux verament neċessarju.

Qal li sfortunatament f’temp ta’ 24 siegħa, il-Prim Ministru Robert Abela qaleb dak kollu li kien intqal. Qal li Abela naqqas, ċekken u dgħajjef il-miżuri tajbin li tħabbru mill-Ministru għas-Saħħa u s-Supertintendent tas-Saħħa. Qal li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin u b’saħħithom. 

Delia kompla billi sostna li l-virus jista’ jinfirex u jinfirex b’mod drastiku. Qal li jekk dan jaħsel li jiġri,  wieħed jista’ jinsa l-ekonomija. Sostna li l-ewwel għandha tiġi l-ħajja u s-saħħa.

Kompla billi appella li jekk hemm bżonn miżuri iktar ħorox għandhom isiru. Sostna li bħalissa l-pajjiż jinsab fl-aħħar ħinijiet fejn irid jagħmel minn kollox biex ma jħallix il-virus jinfirex. Sostna li mbilli n-numri tal-każi fl-aħħar jiem kienu żgħar ma jfisser xejn. 

Lit-tfal, Delia qalilhom biex jieħdu din l-opportunita biex jitgħallmu aktar u ma jinsewx ukoll jilgħabu xi ftit. Lill-ħaddiema li ma rċevewx benefiċċji mill-Gvern u qalilhom biex ma jaqtgħux qalbom. Qal li ħadd m’għandu jsofri waħdu. Indirizza wkoll lill-barranin u qalilhom li issa huma parti mill-popolazzjoni Maltija u b’hekk iridu jaħdmu mal-Maltin biex jiġġieldu l-gwerra li ġab miegħu l-coronavirus. Appella biex dawn ma joħorġux fi gruppi u jibqgħu d-dar sakemm mhux verament f’każ ta’ bżonn li joħorġu. Hu għamel kuraġġ ukoll lill-anzjani filwaqt li talab lill-qraba tagħhom biex ma jinsewhomx fil-mumenti preżenti fejn is-solitudni tista’ taħkem lil dak li jkun b’mod aktar faċli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn