Aħjar mar id-Depot flok Londra – PN

Read in English.

Minflok mar Londra l-PM Joseph Muscat aħjar mar id-Depot tal-Pulizija biex iwieġeb dwar ir-rigali lussiżi li rċieva, skont il-Partit Nazzjonalista.

Fl-aħħar jiem il-midja kienet qed tirraporta li Muscat kien se jsiefer lejn Londra. Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar din is-safra però baqa’ bla tweġiba.

Fi stqarrija, il-PN qal li rapporti fil-midja qalu li Muscat telaq lejn Londra fuq titjira Club Class ma’ familtu.

“Ftit ġranet ilu ukoll telaq lejn Dubaj club class. Kulħadd jaf li titjiriet club class jiswew eluf ta’ liri. L-unika stqarrija uffiċjali li ħarġet kienet meta l-Prim Minsitru mar Betlehem lejliet il-Milied,” qal il-PN.

“Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’inhu l-iskop ta’ dan is-safar lussuż tal-Prim Minsitru u l-familja tiegħu u għaliex mhux qed tingħata ebda spjegazzjoni uffiċċjali dettaljata għal dan is-safar kif issoltu jsir. Il-poplu għandu dritt ikun jaf ukoll min qed iħallas għal dan is-safar lussuż tal-Prim Minsistru u l-familja tiegħu.”

L-għaqda Repubblika lmentat dwar in-nuqqas ta’ progress mill-Pulizija dwar l-arloġġ li rċieva Joseph Muscat bħala rigal mingħand Yorgen Fenech.

Il-mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Pulizija dwar il-każ tal-arloġġ għadhom ma ġewx imwieġba.