“Aħjar ma’ koppji gay milli fid-djar tat-tfal” – Prof. Attard Montalto

Il-Professur Simon Attard Montalto qal li l-professjoni medika m’għandhiex tiġi influwenzata minn twemmin reliġjuż jew drawwiet kulturali ta’ pajjiżi differenti, għax skontu, jekk iċċaħħad lil koppji tal-istess sess milli jadottaw tifel jew tifla li jgħixu f’dar tat-tfal, fi kliemu lit-tfal tkun qed iċċaħħadhom milli jkollhom futur aħjar.
Il-Professur Attard Montalto qal dan waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tat-tobba l-ġodda fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta, fil-jiem li għaddew.
Huwa ħeġġeġ lill-gradwati biex jibqgħu jżommu moħħhom miftuħ, minkejja t-twemmin tas-soċjetà, għax fi kliemu “għat-tfal, li jiġu adottati huwa bil-wisq aħjar mill-ħajja miżera li jgħixu fid-djar tat-tfal foqra u maħmuġin, fejn il-ħajja ta’ kuljum hija ġwerra ċivili u fejn ma jkollhom l-ebda opportunitajiet biex javvanzaw”.
“M’għandniex niddiskriminaw kontra tfal morda”
Prof.  Attard Montalto spjega li din hija s-sitwazzjoni fost l-oħrajn għat-tfal Indjani. Skontu, l-Indja hija wieħed mill-ftit pajjiżi minn fejn jistgħu jiġu adottati t-tfal illum il-ġurnata.
Madankollu, qal li l-istess tfal isofru minn problemi ta’ saħħa, bħal mard ikkawżat mill-faqar u nuqqas ta’ nutrizzjoni, kundizzjonijiet tas-saħħa mentali, u saħħa batuta speċjalment jekk ikunu twieldu qabel iż-żmien.
Huwa kompla jgħid li dawn il-problemi jistgħu jiġu kkontrollati llum il-ġurnata, u lanqas jibdew mal-mard tat-tfal fl-imgħoddi meta kien iktar serju, u l-ġenituri prospettivi tat-tfal morda mhux dejjem kienu jiġu informati dwar il-gravità tal-problemi ta’ saħħa tat-tifel jew tifla li jkunu se jadottaw.  
Kienet għal din ir-raġuni li fis-sena 2000, il-Gvern Malti daħħal fis-seħħ Protokoll Nazzjonali, li jġiegħel lil aġenziji tal-adozzjoni biex jibagħtu lill-ġenituri prospettivi u t-tobba tagħhom rapporti mediċi dettaljati, ritratti u testijiet tad-demm tat-tfal, biex b’hekk tfal b’mard infettiv ma jiġux ikkunsidrati.
Prof. Attard Montalto saħaq li m’għandniex niddiskriminaw kontra tfal morda b’dan il-mod, u sostna li t-tfal kollha għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet, iżda min-naħa l-oħra stqarr li jekk Malta tnaqqas il-kriterji ta’ esklużjoni tat-tfal, l-aġenziji barranin se jibdew jibagħtu iktar tfal morda lil ġenituri Maltin milli tfal b’saħħithom.  
“Imxu b’qalbkom u mhux b’butkom”
Prof. Attard Montalto ma naqasx milli jfakkar lill-gradwati fil-ħtieġa tal-professjoni li jpoġġu lilhom infushom fil-pożizzjoni tal-ġenituri, li mhux biss qed jinvestu l-flus fil-proċess, iżda qed jieħdu waħda mill-iktar deċiżjonijiet diffiċli u importanti ta’ ħajjithom. 
Temm javżahom li l-flus mhumiex kollox, u li l-veru sodisfazzjon se jħossuh biss meta jaraw tbissima tfeġġ fuq wiċċ il-ġenituri u t-tfal li temmew il-proċess tedjanti tal-adozzjoni b’suċċess.