Skont l-eks Imħallef Giovanni Bonello, “aħjar liġijiet fjakki f’idejn poplu twajjeb milli liġijiet perfetti f’idejn il-kriminali.”
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt fir-reazzjoni tiegħu għar-rapport imħejji mill-Kummissjoni Venezja dwar Malta. Din il-kummissjoni Ewropea dwar id-demokrazija permezz tal-liġi, ikkonkludiet li Malta għandha prim ministru b’ħafna poter.
Skont Bonello, wieħed jista’ jkollu l-aqwa kostituzzjoni miktuba fuq karta imma din ma jkolliex valur jekk il-popolazzjoni ma tirrispettax il-valuri tal-istess kostituzzjoni. Fi kliem l-eks Imħallef, l-opinjoni tal-Kummissjoni kienet eċċellenti u bbilanċjata. Qal li l-bżonn għar-rapport kien ilu hemm. Qal ukoll li jekk ir-rakkommandazzjonijiet jidħlu fis-seħħ kif suppost, l-istrutturi dgħajfin li suppost jħarsu r-rispett lejn il-liġijiet u l-awtorità ta’ ġudikatura indipendenti jissaħħu.
Mistoqsi dwar jekk jaqbilx ma’ president b’aktar poteri u bi prim ministru b’inqas poteri, Bonello qal li l-bilanċ tal-poteri ma tantx huwa fattur importanti. Qal li l-aqwa li jkun hemm il-bilanċi u kontrolli neċessarji.
Giovanni Bonello serva bħala Mħallef fuq il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa kien ukoll iċ-ċerpersin tal-Kummissjoni għar-Riforma Olistika fil-Qasam tal-Ġustizzja appuntat mill-Gvern f’Mejju tal-2013.
Tista’ taqra r-risposti ta’ Bonello bl-Ingliż minn hawn.