“Aħjar jirregolaw il-camping f’Kemmuna milli jagħmluh illegali”

Raġel li joqgħod Għawdex qal li jkun aħjar jekk is-siti tal-camping f’Kemmuna jiġu regolati minflok jitqiesu llegali.

Ir-raġel qal dan f’ittra li bagħat lill-midja lokali. “Għal għexieren ta’ snin, is-sit tal-camping ħdejn il-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna kien kontroversjali. Dan għaliex kien tollerat imma mhux regolat minħabba dak li jidher bħala nuqqas ta’ inizjattiva mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li issa ddeċidiet li twaqqaf il-camping għal kollox.” Qal li fl-opinjoni tiegħu, dan huwa esaġerat. Ir-raġel qal li s-sit għandu jkun regolat u li jkun hemm bżonn permess biex jintuża’.

Skont rapport tat-TVM, mhux se jkun permess li jsir aktar camping fil-Bajja ta’ Santa Marija jew fiż-żona magħrufa bħala Ta’ Lifrat fuq Kemmuna. L-ERA ħarġet ordni ta’ waqfien biex iwaqqfu lin-nies milli jikkampjaw u biex jingħataw multi lil min jikkampja fiż-żoni protetti.

Dokument tal-ERA dwar Kemmuna bħala żona tan-Natura 2000 jgħid li mhux se jkun permess li jsir camping matul il-lejl fuq il-bajjiet tar-ramel. Id-dokument jgħid ukoll li s-sit mhux uffiċjali tal-camping fil-Bajja ta’ Santa Marija se jingħalaq. L-ERA pproponiet sit alternattiv li se jkollu showers, toilets, u faċilitajiet tal-ġbir tal-iskart. L-ERA qalet li jkun hemm bżonn li jinkiseb permess biex isir il-camping. Spjegat li l-ispiża tkun tinkludi depożitu li jingħata lura jekk is-sit jitħalla fi stat nadif.

L-ERA qalet li ż-żona magħrufa bħala ta’ San Niklaw taf tkun sit tajjeb għall-camping jekk isirlu restawr u jekk jinżergħu xi siġar għad-dell. Qalet li l-post huwa wkoll qrib il-Blue Lagoon.