Aħjar jagħtuhom tuffieħa, banana jew mandolina – omm

Omm issuġġeriet li t-tfal flok jingħataw ħaxix u frott imqattgħa, jagħtuhom xi tuffieħa, banana jew mandolina. Din ir-reazzjoni flimkien ma’ oħrajn inkitbu b’reazzjoni għall-artiklu dwar l-iskema tal-frott u l-ħaxix fuq Newsbook.com.mt.

Newsbook.com.mt kkwota dak li qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli dwar l-frott u l-ħaxix li qed jingħataw it-tfal l-iskola, qed ikun imnawwar u ma jistax jittiekel mit-tfal.

Il-kummenti dwar dan mill-ġenituri u l-għalliema kienu mħallta. Kien hemm min qal li l-frott u l-ħaxix li jingħataw it-tfal ikun frisk imma jekk it-tfal ma jiekluhx, wara ġurnata fil-basket dan ma jibqax tajjeb. Kien hemm min qal li huwa vera l-frott u l-ħaxix li jingħata mhuwiex tajjeb u kemm l-għalliema u l-ġenituri ġibdu l-attenzjoni lill-awtoritajiet konċernati.

Persuna oħra tellgħet ritratt tal-frott u qalet li r-ritratt kien meħud filgħodu u mhux wara ġurnata skola. Hija staqsiet jekk kien dak it-tip ta’ frott hux se jħajjar lit-tfal biex jiekluh. Persuni oħra qalu li t-tfal tagħhom dejjem kieluh il-frott u l-ħaxix li jingħatalhom u t-tfal dejjem kienu kuntenti bil-prodott.