“Aħjar iddiskutejnieha qabel ma ppubblikajt l-email” – Cacopardo lil Cassola

Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal lill-kandidat għal MEP mal-partit Arnold Cassola li kien aħjar li kieku ddiskutew il-kwistjoni bejniethom, qabel ma dan ippubblika email li bagħat lil Cacopardo dwar dak li qalet Mina Tolu, kandidat għal MEP mal-istess partit, fuq l-abort.

Is-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar ippubblika l-email li ntbagħat minn Cacopardo llum lil Cassola. Cassar qal li peress li Cassola ppubblika email li bagħat lis-Segretarju Ġenerali u lill-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika, huwa għażel li jippubblika l-email ta’ bejn Cacopardo u Cassola.

Aġġornata: “Mhux xogħol l-AD li jqajjem diskussjoni dwar l-abort” – Cassola

Cacopardo qal lil Cassola li kien ikun aħjar li kieku ressaq il-fehmiet tiegħu lill-partit b’mod intern minflok ma ppubblika l-email mill-ewwel. Fl-email tiegħu, Cassola wieġeb għall-appell ta’ Mina Tolu biex ikun hawn aktar diskussjoni fuq l-abort f’Malta.

Madankollu, Cacopardo nnota li fl-email tiegħu, Cassola jgħid li l-abort huwa kundannabbli ħlief f’każ li saħħet u ħajjet l-omm ikunu f’periklu. Cacopardo sostna li l-Alternattiva Demokratika qatt ma ħadet dik il-pożizzjoni.

Huwa żied jgħidlu li l-email tiegħu se jiġi diskuss fil-laqgħa tal-eżekuttiv tal-partit li jmiss.