​Aħbar tajba għall-ħaddiema fl-Isptar Monte Karmeli

Wara li qamet għagħa fost xi ħaddiema fl-isptar Monte Karmeli peress li ma tħallsux fil-15 tax-xahar bħas-soltu jidher li l-problema se terġa’ lura għan-normal peress illi għandhom jitħallsu llum.
Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li xi ħaddiema ma’ kuntrattur privat li jagħtu servizz fl-isptar kellhom jieħdu l-paga ftit ġranet tard. Hi qalet li dan sar peress li l-kuntrattur kellu l-assi friżati fuq ordni tal-Qorti.
Il-kelliema żiedet tgħid li “l-ħlasijiet tal-pagi min-naħa tal-Isptar Monte Karmeli vis-a-vis l-istess kuntrattur saru fil-ħin stipulat.”
Kelliem għall-UĦM qal ma’ Newsbook.com.mt li kien hemm xi kwistjoni li wasslet għal dan id-dewmien biex joħorġu l-pagi, però spjega li dan ma kinitx xi ħaġa li tiġri ta’ spiss.
Sorsi qrib l-isptar Monte Karmeli qalu ma’ Newsbook.com.mt li din il-kwistjoni ħolqot inkonvenjent peress li xi ħaddiema kellhom iħallsu għal self ta’ flus.
L-istess sorsi qalu li għandhom kundizzjonijiet ħżiena. Dan għaliex huma skrivani u qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u mhumiex koperti b’ polza tal-assigurazzjoni.
Kelliem għall-GWU qal ma’ Newsbook.com.mt li dalwaqt se jibdew diskussjonijiet mal-Gvern biex tiżdied il-paga ta’ xi skrivani.