Aħbar ta’ kuraġġ imma l-ġlieda għadha għaddejja – il-President

Read in English.

Il-President George Vella laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li għall-ewwel darba llum Malta ma kellha l-ebda każ ġdid ta’ coronavirus.

Fi stqarrija, il-President ta’ Malta saħaq li dan ma jfissirx li l-COVID-19 waqfet tattakkana, imma jfisser li l-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa, u l-mod kif sa issa kkopera l-pubbliku, b’ħafna sagrifiċċji personali, jidhru li qed jaħdmu u jħallu r-riżultati mixtieqa.

Stqarr li dan ifisser li bil-mod il-mod qed jitbiegħdu minna l-biżgħat ta’ dawk id-diżastri umanitarji li rajna jseħħu f’pajjiżi ġirien.

Dr George Vella enfasizza l-gratitudni kbira li għandu jkollna lejn min gwidana u ħares saħħitna u saħħet l-għeżież tagħna matul l-aħħar ġimgħat, u għal darba oħra rringrazzja lil dawk kollha, mill-kbir saż-żgħir, għall-kompetenza professjonali u għad-dedikazzjoni eżemplari li bihom iddedikaw irwieħhom għal din il-ġlieda fl-interess ta’ saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.

Għamilha ċara li l-ġlieda kontra l-virus għadha għaddejja, u li “dan l-awgurju u r-ringrazzjament mhux għal xogħol mitmum, imma biex nagħmlu kuraġġ lil xulxin u nippersistu, kif għamilna sa issa, biex inkunu kapaċi flimkien, fl-iqsar żmien possibbli, naslu biex inħallu dan l-episodju ikrah warajna, u nxammru biex nieħdu ħsieb nerġgħu nqajmu fuq saqajha l-ekonomija tal-pajjiż u nġibu lura għan-normal il-ħajja soċjali tagħna”.

L-aħħar ħsieb tal-President kien f’dawk li sfaw vittmi ta’ din il-marda kiefra u fil-qraba u fl-għeżież li ħallew warajhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn