Aħbar falza li uffiċjal tal-Gvern għandu l-coronavirus – Bedingfield

Gvern Kabinett Kastilja
DOI: Jason Borg

Read in English.

Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal li mhux minnu li uffiċjal għoli tal-Gvern għandu l-coronavirus.

Dan qalu waqt is-sessjoni parlamentari tal-lum waranofsinhar, wara li ġie rrappurtat li xi persuni ta’ karigi għoljin fil-Gvern għandhom il-Covid-19.

Bedingfield qal dan bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar. Cutajar staqsa lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia kienx ġie infurmat b’dan mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-Ispeaker qal li hu għandu kuntatt regolari mal-awtoritajiet tas-saħħa imma qatt ma semmewlu xejn dwar dan.

Il-Whip Bedingfield semma li din il-kwistjoni tressqet għall-attenzjoni tiegħu imma assigura li ma kien hemm ebda membru parlamentari li ttestja pożittiv għall-virus wara l-baġit tat-Tnejn li għadda.

Ftit tal-jiem ilu, żewġ Ministri Ewropej tal-Affarijiet Barranin irriżultaw pożittivi għall-coronavirus wara li ftit jiem qabel attendew għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u s-Segretarju għall-Affarijiet Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Kelliema għall-Gvern ikkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li meta waslu lura Malta, dawn iż-żewġ membri tal-Kabinett għamlu swab test li rriżulta fin-negattiv.

Il-Ministru Sophie Wilmes issa qiegħda tikseb kura intensiva, ħamest ijiem wara li ħadet il-virus.