Aguero jġedded il-kuntratt ma’ Manchester City

Sergio Aguero għażel li jġedded il-kuntratt għal sena oħra ma’ Manchester City u mistenni jaqla’ £220,000 fil-ġimgħa. L-attakkant Arġentin ta’ 30 sena ngħaqad mas-Citizens fl-2011 mingħand Atletico Madrid u huwa t-‘topscorer’ tal-klabb hekk kif skurja 204 gowl f’299 logħba. L-iktar staġun prolifiku tiegħu kien fl-2016-17 meta skurja 33 gowl anke jekk Manchester City temmew dak l-istaġun mingħajr ebda trofew.

Skont id-Daily Mail, Aguero kien viċin li jitlaq lil Manchester City wara l-ewwel staġun ta’ Pep Guardiola ġewwa l-Ingilterra u Atletico Madrid urew ix-xewqa li jerġgħu jakkwistawh. Madanakollu, issa Aguero ddeċieda li jibqa’ fl-Etihad Stadium sal-2021.