Agius Saliba se jiskrutinizza l-infiq pubbliku tal-Ewropa

Alex AGIUS SALIBA in the EP in Strasbourg

Il-Membru Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba nħatar bħala l-Kelliem tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi dwar l-infiq pubbliku mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-aġenziji.

Fi stqarrija, Agius Saliba qal li huwa unur għalih li ġie fdat b’din il-proċedura li matul is-snin saret għodda politika vitali biex jiġi vverifikat kif jintefqu l-fondi pubbliċi. Qal ukoll li xi drabi, il-Parlament irrifjuta li japprova l-kontijiet ta’ diversi aġenziji tal-UE, inkluż dawk tal-Kummissjoni Ewropea. Fakkar ukoll li permezz tad-deċiżjoni bħal din il-Parlament Ewropew kien anke wassal biex iwaqqa’ l-Kummissjoni nnifisha.

Agius Saliba nħatar ukoll f’diversi pożizzjonijiet u rapporti oħra influwenti fosthom fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, fejn ġie maħtur bħala rapporteur permanenti responsabbli għad-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju.

Fil-Kumitat tas-Suq Intern responsabbli għas-settur tal-akkwist pubbliku, filwaqt li dwar il-petizzjonijiet huwa se jkun responsabbli mid-diżabilità u kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u l-affarijiet soċjali.