Agius Saliba elett Viċi President tal-Intergrupp tal-kaċċa fil-Parlament Ewropew

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ġie elett Viċi President fl-Intergrupp tal-kaċċa fil-Parlament Ewropew. Huwa sejjaħ din il-ħatra ta’ unur u sodisfazzjon, anke għall-fatt li din se tkun l-ewwel darba li MEP Malti se jokkupa din il-kariga f’dan il-grupp, responsabbli mill-kaċċa u l-biodiversità.

Matul dawn l-aħħar xhur, Agius Saliba kien l-Ewroparlamentari f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li kkordina t-twaqqif uffiċjali ta’ dan l-istess Intergrupp.

Huwa sostna li permezz ta’ din il-ħatra, Malta se jkollha vuċi ferm aktar soda biex tipproteġi d-delizzju ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Wiegħed li jibqa’ jagħti leħen lid-dilettanti tal-kaċċa u l-insib Maltin.

L-Intergrupp tal-Kaċċa fil-Parlament Ewropew twaqqaf fl-1985. Tul din il-leġiżlatura, se jkun magħmul minn 126 Ewroparlamentari.

Alex Agius Saliba rringrazzja lill-Federazzjoni Maltija FKNK u kif ukoll lil dik Ewropea l-FACE, tal-fiduċja li dejjem urew fih. Huwa sostna li kif għamel sa mill-ewwel ġurnata illi ġie elett, ser ikompli jkun vuċi soda għad-dilettanti tal-kaċċa u l-insib f pajjiżna sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jkomplu jgawdu id-delizzju tagħhom.