Agius Decelis maħtur chairman tal-kumitat li japprova l-liġijiet

DOI: Jason Borg

Fi tmiem seduta parlamentari li bdiet fis-2pm u ntemmet fis-7.30pm, il-Kamra tad-Deputati approvat fl-istadju tat-tieni qari l-pjan finanzjarju għall-Parlament, il-mozzjoni biex Anthony Agius Decelis jinħatar chairman tal-kumitat konġunt għall-approvazzjoni tal-liġijiet, kif ukoll l-abbozz li jimplimenta l-miżuri tal-estimi.

Dan sar wara li ssejħu tliet diviżjonijiet bir-riżultat tal-vot ikun 35 favur u 28 kontra.

L-Oppożizzjoni vvotat kontra l-pjan finanzjarju għall-Parlament wara li proposta biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jingħata riżors uman biex jgħinuh fix-xogħol parlamentari ġiet rifjutata mill-Gvern, bis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat jgħid li l-PN qed jitlob bail-out.

Il-PN kien ukoll kontra l-ħatra ta’ Agius Decelis wara li d-Deputat Kap tal-PN David Agius u d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieġ argumentaw li l-Parlament ma kellux xi backlog qawwi quddiemu biex jiġġustifika l-ħatra ta’ kumitat konġunt wara li l-eks ministru Justyne Caruana nħatret bħala chairman tal-kumitat għall-konsiderazzjoni tal-liġijiet.