“Aġir ta’ individwi ma għandux itappan l-importanza tal-integrazzjoni” – Il-Komunità Serba

Il-Komunità Serba f’Malta kkundannat “iż-żieda qawwija fil-vjolenza li qed taffettwa s-soċjetà Maltija.”
Fi stqarrija, il-Komunità ikkundannat ukoll l-aġir ta’ wħud mill-membri tagħha stess u qalet li tinsab viċin il-familjari tal-vittma u wegħdithom it-talb tagħha.
Il-Komunità appellat ukoll biex il-Maltin ma jħallux l-aġir ta’ individwi jtappan ir-reputazzjoni tal-bqija u anke l-benefiċċji li joffri ambjent multikulturali lis-soċjetà kollha kemm hi.
Fakkret ukoll fuq l-impatt pożittiv li barranin li jaħdmu f’Malta qed iħallu fuq l-ekonomija Maltija.
L-istqarrija tisħaq li l-Komunità Serba se tibqa’ taħdem biex tippromwovi l-integrazzjoni u attivitajiet kulturali, sportivi, edukattivi u ekonomiċi u biex tħalli impatt pożittiv għall-ħajja komunitarja lokali.