Aġir insensittiv imma ma ħadimx fuq l-assassinju ta’ Daphne – Il-Gvern dwar l-avukat il-ġdid ta’ Yorgen

Aġġornat 01:39 PM

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja kkjarifika li l-Avukat Charles Mercieca qatt ma ħadem fuq il-proċessi ġudizzjarji konnessi mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jew fuq xi proċess konness ma’ Yorgen Fenech fiż-żmien li qatta’ jaħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, iżda sejjaħ l-aġir tiegħu wieħed “insensittiv.”

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Ministeru għall-Ġustizzja spjega li huwa investiga l-aġir tal-Avukat Charles Mercieca li sa jumejn ilu kien jaħdem mal-Avukat Ġenerali. Huwa rreżenja minn xogħlu bħala prosekutur, u lbieraħ ingħaqad mat-tim tad-difiża ta’ Yorgen Fenech, li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-familja Caruana Galizia talbet li ssir investigazzjoni interna fi ħdan l-Uffiċċju tal-AĠ. Fi stqarrija lbieraħ, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jagħti spjegazzjoni ta’ dan.

Minkejja li Dr Mercieca ma ħadimx fuq il-każ tal-assassinju f’xogħlu fl-Uffiċċju tal-AĠ, il-Ministeru wera diżappunt fl-aġir tiegħu, u qal li “kien jistenna prudenza u kawtela akbar kemm mill-avukat u mid-ditta legali li hu mar jaħdem magħha.” Iddeskriva d-deċiżjoni ta’ Mercieca li jirrappreżenta lil Fenech bħala waħda “insensittiva.”

Omtzigt itenni li l-AĠ għandu jinvolvi lill-Europol fl-investigazzjoni

Ir-rapporteur dwar l-assassinju tal-ġurnalista u s-saltna tad-dritt f’Malta, Pieter Omtzigt, kiteb fuq Twitter li l-awtoritajiet Maltin iridu jassiguraw li dan il-ksur potenzjali tal-etika professjonali ma jagħmilx dannu lill-integrità tal-investigazzjoni fuq il-każ.

Huwa tenna suġġeriment li għamel lill-AĠ ix-xahar li għadda fuq il-każ meta ppropona li din l-investigazzjoni ssir waħda konġunta bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Europol.

Ilbieraħ, Yorgen Fenech talab għall-ħelsien mill-arrest mill-ġdid. Huwa qed jagħmel rikors kontra l-Avukat tal-Istat u kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika talli qed jinżamm arrestat.