“Agħtuna linji gwida jekk se niftħu” – skejjel independenti

L-Assoċjazzjoni għall-Iskejjel Independenti (ISA) qed titlob għal linji gwida dwar il-pandemija tal-COVID-19 biex l-iskejjel independenti jkunu jistgħu jippjanaw is-sena li ġejja.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-iskejjel independenti ilhom jaħdmu fuq pjanijiet għal kif se jerġgħu jiftħu, imma wara ż-żieda fil-każi dan ix-xahar, kellhom jerġgħu jevalwaw kollox. Qalet li l-ftuħ tal-iskejjel irid isir bil-ħsieb dwar it-tnaqqis tat-tifrix tal-virus.

L-ISA qed titlob kjarifiki dwar distanza soċjali fil-klassijiet, kif se jaħdem it-trasport, kif ukoll jekk l-istudenti hux se jinqasmu fi clusters. Qed titlob ukoll li jiġi spjegat kif se jaħdmu dawn il-clusters. Qalet li jekk dawn il-kjarifiki mhux se jsiru, l-iskejjel independenti se jkollhom jieħdu d-deċiżjoni f’idhom.

L-ISA kkonkludiet l-istqarrija billi rringrazzjat lis-settur tas-saħħa u l-frontliners tal-ħidma tagħhom. Irringrazzjat ukoll lill-edukaturi, ġenituri u studenti tal-kooperazzjoni.