Agħtu protezzjoni lill-MEPs li ġejjin Malta għada – Weber

Iċ-Ċerpersin tal-Grupp tal-Parit Popolari Ewropew Manfred Weber appella biex il-Membri tal-Parlament Ewropew li se jaslu Malta għada, jingħataw il-protezzjoni meħtieġa.
Fi kliemu dan minħabba theddid li sar kontra ħajjet għadd ta’ MPEs. F’ittra mibgħuta lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, Weber kiteb li d-delegazzjoni li se tintbagħat Malta se tkun qed twettaq xogħol li huwa politikament sensittiv.
Qal lil Tajani li l-MPEs għandhom bżonn jingħataw “protezzjoni adegwata”. Fl-ittra talab ukoll lill-President biex ifakkar lill-Awtoritajiet Maltin fid-dmir tagħhom biex dawn jipproteġu lid-delegazzjoni u jagħtuhom l-opportunità li jwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr biża’.
L-istess ittra tgħid li hemm tħassib qawwi dwar id-demokrazija, ir-rispett għal-liġijiet u l-indipendenza tal-Pulizija u tal-Ġudikatura f’Malta. Manfred Weber qal li l-MPEs u xi politiċi Maltin irrapportaw li t-theddid li qed jirċievu qed jiżdied u li qed jibżgħu għas-sigurtà tagħhom u tal-familji tagħhom.