“Agħtu lura ċ-ċikkulata u l-luminata lill-ħaddiema tal-isptarijiet” – MUMN

L-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ordnat sabiex id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa treġġa’ lura t-tneħħija taċ-ċikkulata, ħelu, luminati u karbojdrati mill-għażla tal-ikel tal-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija (SAMOC).

Fi stqarrija ffirmata mill-President tal-MUMN, Pail Pace, ġie spjegat kif l-għaqda rċeviet bosta ilmenti wara tibdiliet fil-menu tal-ħaddiema mingħajr konsultazzjoni. L-union sostniet li Malta mhix pajjiż immexxi minn dittatorjat, u għaldaqstant bniedem għandu dritt jiekol dak kollu li jixtieq u mhux ikollu l-ikla tiegħu iddeterminata mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa.

L-union irrimarkat kif irrispettivament fejn wieħed jaħdem, ma għandux jiġi determinat l-ikel li jiekol. Qalet li mhux qed tikkunsidra dan l-eżerċizzju bħala eżerċizzju għall-promozzjoni ta’ ikliet aħjar, iżda bħala eżerċizzju biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiżdied il-profitt.

L-MUMN tenniet li azzjoni irresponsabbli bħal din se twassalhom sabiex joħorġu numru ta’ direttivi ġaladarba din id-deċiżjoni ma terġax tinbidel biex tagħti lura d-drittijiet tal-ħaddiema sal-10 ta’ Ġunju.