“Agħtu kumpens lill-qraba tal-vittmi tal-Forzi Maltin” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) sostna li hemm bżonn li l-familjari ta’ persuni li jitilfu ħajjithom waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom fil-forzi Maltin għandhom jieħdu kumpens dinjituż.
Fi stqarrija, l-partit tal-oranġjo spjega kif is-sieħba ta’ persuni li tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jaqdu dmirhom mal-Korp tal-Pulizija, mal-Forzi Armati ta’ Malta jew mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jirċievu kumpens minimu u fuq bażi ad hoc. Sitwazzjoni li jsostni li ħafna drabi tħalli lil dawn il-persuni jbatu konsegwenzi gravi.
Il-PD spjega wkoll li persuni li jisfaw b’diżabilità minnħabba xogħolhom mal-Forzi Armati jew mal-Protezzjoni Ċivili jitħallew b’penzjoni li tiżdied biss wara mewthom.
Sostna li dawn il-persuni, jiddeċiedu li jidħlu għal dan it-tip ta’ xogħol għax ikunu rabbew sens ta’ rispett lejn pajjiżhom u jpoġġu lil pajjiżhom qabilhom innifishom.
Kompla jgħid li jidħlu għal dan it-tip ta’ xogħol konxji li f’xi punt tal-karriera tagħhom jistgħu jispiċċaw attakkati, jew jgħaddu minn xi sitwazzjoni li tbiddlilhom ħajjithom mil-lum għall-għada, dejjem jekk jirnexxielhom isalvaw.
Filwaqt li ħambaq fuq l-importanza li dan is-suġġett jingħata prijorità fil-Parlament, il-Partit Demokratiku qal li se jkun preżenti għall-mixja b’solidarjetà mal-Korp tal-Pulizija li se ssir is-Sibt li ġej.