“Agħtu kenn lil dawk bla saqaf fuq rashom minħabba l-kesħa”

Il-Gvernatur tal-Istat ta’ New York talab lill-komunitajiet biex meta t-temperaturi jkunu taħt iż-żero jagħtu kenn u jilqgħu għandhom lil bla saqaf fuq rashom.
Andrew Cuomo saħaq li ħadd m’għandu jorqod fit-triq u jmut bil-kesħa.
Spjega li din l-ordni li se tidħol fis-seħħ minn għada t-Tlieta, se tkun qed tipproteġi l-popolazzjoni ta’ persuni bla dar li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber.
L-ordni tal-Gvernatur qed tingħata hekk kif it-temperaturi f’partijiet tal-istat ta’ New York laħqu t-32 grad taħt iż-żero.
Tappella wkoll lill-Pulizija u l-aġenziji tas-servizzi soċjali biex tieħu lil dawk bla dar fix-xelters, inkluż dawk li ma jkunux iridu jmorru.
L-ordni tal-Gvernatur kellha reżistenza mill-kelliema tas-Sindku tal-belt ta’ New York, li qalet li biex din issir trid tgħaddi liġi.
Min-naħa tiegħu Cuomo qal li lest li jitla’ l-qorti biex jiddefendi l-ordni tiegħu kontra kull sfida kostituzzjonali.
Il-Gvernatur qal li l-ordni, titlob li xelters għal dawk bla dar jestendu l-ħinijiet skont il-bżonn, biex jipproteġu lil dawn il-persuni milli jmutu bil-kesħa.