Agħti kas biss l-appelli għad-demm mis-sorsi uffiċjali

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm sostna li l-appelli urġenti għad-demm joħorġu biss minnu u minn fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu.

Dan l-appell sar fid-dawl ta’ każijiet fejn dehru appelli fuq il-midja soċjali li ma ħarġux direttament mis-Servizz Nazzjonali, bil-konsegwenza li l-appell ma kienx aġġornat, bir-riżultat li jinħolqu problemi u taħwid fl-imħuħ tan-nies.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qal li l-midja soċjali saret għodda ferm utli biex jasal il-messaġġ tal-bżonn kontinwu għad-donazzjonijiet tad-demm, kif ukoll biex uffiċjalment jitħabbar nuqqas ta’ riserva ta’ demm.

Għaldaqstant is-Servizz jappella biex il-pubbliku jagħti kas l-appelli fuq il-paġna tal-Facebook: National Blood Transfusion Service – Malta www.facebook.com/bloodmalta