Read in English.
Il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ sabiex jagħti donazzjoni ċkejkna u dejjem jekk jista’ b’risq il-karità li tagħmel il-Knisja f’Malta propju hekk kif għada l-Arċisqof Charles Scicluna mistenni jagħlaq 61 sena.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Alessandra Dee Crespo, Kanċillier fit-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Istanza, spjegat li s-sena li għaddiet, kienu għamlu festin sabiex jiċċelebraw għeluq snin l-Arċisqof. Qalet li hu kien talab sabiex minflok rigali, jingħataw donazzjonijiet lil dawk li huma fi bżonn.
Stqarret li dawk kollha li jammiraw lill-Arċisqof u li jifilħu jagħmlu donazzjoni ċkejkna f’dan iż-żmien jistgħu jagħtu d-donazzjoni tagħhom lill-knisja.
Ma’ Newsbook.com.mt, Crespo saħqet li l-ispirazzjoni nibtet nhar it-Tnejn li għadda, meta l-Arċisqof innifsu ħallas għal 700 ikla li qed jitqassmu ta’ kuljum mill-proġett Solidarity Meals.
Fissret li għalkemm ħafna drabi wieħed jistenna li ma joqgħodx ixandar il-karità li jagħmel, mhux meta l-att ta’ karità jispira lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess. “Ċerta li l-Arċisqof ma xandarx il-ġest tiegħu biex ngħidulu bravu. Żgur li għamilha biex nagħmlu bħalu. Kulma qed nagħmel jien hu li nħeġġeġ lil ħaddieħor biex jagħmel bħalu”, temmet tgħid il-Kanċillier.
Jekk tixtieq tagħmel donazzjoni agħfas hawn.