“Agħti dinjità, Itma’ Familja”

Għat-18-il sena konsekuttiva, CPi Media ser tkun qed torganizza l-maratona ta’ xandir Oħloq Tbissima. Din is-sena l-maratona ser tittella’ b’differenza minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija biex kemm jista’ jkun tiġi osservata d-distanza soċjali.

Il-maratona ser tittella’ mill-istudjows ta’ CPi Media li jinsabu f’Dar San Gużepp, Santa Venera mis-17 sad-19 ta Lulju. Ix-xandira tal-maratona tibda fil-5pm sa nofs il-lejl matul dawn it-tlett ijiem.

Il-motto ta’ din is-sena ser ikun ‘AGĦTI DINJITA, ITMA’ FAMILJA’. Ser inkunu qed ninkoraġixxu t-tixrid tal-hashtag #ItmaFamilja fuq l-midja soċjali.

Din is-sena l-istudjow se jkun qed jintrama b’żewġ skrins kbar. Dawn l-iskrins ser jgħinu biex titjieb l-viżwal tax-xandira. Bħas-sena l-oħra wieħed mill-iskrins ser jintuża biex ikun ivviżwalizzat bord b’simboli fejn xulxin. Kull simbolu fuq il-bord jirrappreżenta familja fil-Perù, fil-Pakistan jew fil-Filippini. 

Ser inkunu qed nilqgħu donazzjonijiet biex jingħata l-ikel lill-450 familja jew aktar għal 6 xhur fil-pajjiżi msemmijin. 

  • Bi pleġġ ta’ €200 tkun qed titma’ persuna minn dawn l-familji.
  • Bi pleġġ ta’ €500 tkun qed tgħin biex titma’ familja għall-6 xhur.
  • Donazzjonijiet ta’ ammonti oħra jkunu qed jikkontribwixxu ukoll biex dawn l-familji jingħataw l-ikel.

Min jagħti donazzjoni ta €200 jew aktar ser jingħata ritratt ta’ dawn l-familji biex jinżamm bħala tifkira li ‘JIENA TMAJT FAMILJA’.

Matul ix-xandira se jintwerew ukoll filmati li qed mibgħuta mill-missjunarji tal-MSSP fil-Perù, Pakistan u l-Filippini.  Dawn l-missjunarji ser jispjegaw kif il-pandemija laqtet ħażin lin-nies tal-lokal u kif eluf kbar ta’ familji spiċċaw bla xogħol u ma baqgħalhomx flus biex jixtru l-ikel – lanqas għal ikla waħda kuljum. 

Għalhekk qed inħeġġu lill-Maltin u l-Għawdxin biex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom biex nilqgħu d-donazzjonijiet għal dawn l-familji sabiex l-missjunarji tagħna jkunu jistgħu isostnu lil dawn l-familji fil-bżonn.

Wieħed jista’ jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu minn issa billi jċempel fuq dawn n-numri:

51002031 – €20
51902080 – €50

Wieħed jista’ ukoll jibgħat SMS:

50619285 – €11.65

Il-linja tal-pleġġ ser tinfetaħ dakinhar tax-xandira u ser ikollha in-numru 21445544

Il-maratona Oħloq Tbissima ser tixxandar LIVE kollha kemm hi fuq F Living u għal bosta ħinijiet fuq l-istazzjonijiet One, Net u TVM2. Il-maratona ser tkun ukoll mxandra permezz ta’ LIVE Streaming fuq il-Facebook page Oħloq Tbissima.  

Din l-informazzjoni twasslet minn CPI Media.