Read in English.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lid-Deputati tal-Gvern biex ineħħu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru llum qabel għada.
F’indirizz televiżiv fuq Net FM, Dr Delia fakkarhom li r-responsabbiltà bħalissa huma fuq spallejhom biss u biex jagħmlu l-aqwa fl-interess ta’ Malta, biex iġibu lill-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li Malta tinsab f’salib it-toroq, li tista’ twassal:
- għall-kollass totali tar-reputazzjoni tal-pajjiż bit-telf ta’ xogħol u biex il-ġustizzja ma sseħħx, jew
- biex jitlaq Joseph Muscat u l-pajjiż jibda jieħu r-ruħ.
Delia kien qed jirreaġixxi għax-xhieda ta’ dalgħodu fil-Qorti minn Melvin Theuma, meqjus bħala s-sensar fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Huwa saħaq li dawn jixhdu ħaġa waħda biss, li “l-OPM mhux biss involut fl-assassinju, imma wkoll fl-attentat biex il-ġustizzja f’dan il-każ ma sseħħx”.
X’semma mill-Qorti Delia?
- Melvin Theuma f’laqgħa ma’ Keith Schembri f’Kastilja.
- Wara li tkellmu, ħadu ritratt flimkien, offrielu kafè u xogħol mal-Gvern.
- Melvin Theuma beda jirċievi l-paga mingħajr ma jmur għax-xogħol
- Żewġ uffiċjali marru għand Theuma u talbuh jgħaddi messaġġ lit-tliet persuni kkummissjonati biex iwettqu l-qtil. Qalulu biex jgħidilhom biex jieqfu jitkellmu għax se jingħataw proklama.
- Waqt din il-laqgħa, wieħed minnhom ċempel lil xi ħadd, li fl-opinjoni tiegħu kien Keith Schembri.
- Melvin Theuma kien infurmat minn Fenech bid-data tar-rejd li wasslet għall-arrest tat-tliet akkużati.