“Agħlqu l-iskejjel” – UPE

L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qed tappella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jikkunsidra li l-iskejjel jingħalqu u mhux jinfetħu fit-28 ta’ Settembru minħabba l-każijiet dejjem jiżdiedu ta’ coronavirus.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-UPE qalet li hija inkwetata ħafna fuq in-numri ta’ każijiet tal-Covid-19.

Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda mhux sostenibbli, u qalet li jekk jiftħu l-iskejjel ġimagħtejn oħra, il-każijiet ħa jibqgħu jogħlew u mhux jonqsu, u dan se jkun ta’ piż fuq is-sistema tas-saħħa.

Għaldaqstant, hija talbet lil Robert Abela biex il-lezzjonijiet isiru online. Sostniet li jaf toħroġ azzjoni industrijali għall-membri tagħha jekk din it-talba ma tintlaqax fil-jiem li ġejjin.

Ilbieraħ, il-Ministeru tas-Saħħa ppubblika linji gwida għall-kindergarten u għall-iskejjel postsekondarji. Fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, ġie rakkomandat li l-lezzjonijiet isiru online fejn possibbli, peress li ż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu bla sintomi anke jekk ikollhom il-coronavirus, allura hemm aktar ċans ta’ tifrix ta’ mikrobi.

Il-UPE lbieraħ oġġezzjonat għal-linji gwida tal-kindergarten, u qalet li b’mod partikolari, dawn mhumiex ġusti mal-LSEs għaliex donnha li saħħithom qed tingħata inqas importanza minn dik tal-għalliema u tal-istudenti.

Taqbel mal-UPE li l-iskejjel m’għandhomx jiftħu?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.