Aggredit raġel għami fuq Tal-linja; Malta Public Transport twieġeb

għami fuq tal-linja

Wara li lbieraħ raġel għami allegatament ġie aggredit fuq Tal-Linja għax talab sabiex ipoġġi fuq is-siġġu apposta għal persuni b’diżabilitajiet fuq tal-Linja, Malta Public Transport ħarġet stqarrija tgħid li se tkun qed tikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija biex jissolva dan il-każ.

Ilbieraħ, bint ir-raġel għami ħalliet messaġġ fuq il-grupp ta’ Facebook RUBS Are You Being Served? tirrakkonta kif missierha u ommha telgħu fuq Tal-Linja u sabu tifel ta’ tliet snin bilqiegħda fuq is-siġġu apposta għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Irrakkuntant kif ommha talbet lil omm it-tifel jekk tistax iżżommu fuqha sabiex ir-raġel għami jkun jista’ jpoġġi bilqiegħda minnfloku. Sostniet li malli għamlet hekk, il-mara u r-raġel tagħha qabdu jgħajjru u jfajjru daqqiet ta’ ponn lil ommha u lil missierha.

Min-naħa l-oħra, Malta Public Transport sostniet li tinsab f’kuntatt mar-raġel għami u tesprimi solidarjetà miegħu u ma’ familtu. Sostniet li l-kumpanija tissielet sabiex iżżomm lill-passiġġiera infurmati bis-siġġijiet għal persuni bi bżonnijiet speċjali u appellat sabiex il-passiġġiera kollha juru aktar rispett lejn xulxin.