Il-Knisja f’Malta, aġġornat il-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal-COVID-19 waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies bil-preżenza tal-pubbliku. Filwaqt li numru ta’ restrizzjonijiet ser jibqgħu fis-seħħ oħrajn ser jiġu rilassati.
Wara li b’mod gradwali, fil-ġimgħat li għaddew bdew jiġu ċelebrati Quddies bil-pubbliku b’miżuri għolja ta’ prevenzjoni, l-Isqfijiet ta’ Malta qegħdin jaġġornaw dawn l-istess miżuri fid-dawl tat-tnaqqis tal-miżuri ta’ mitigazzjoni mill-Awtorijiet tal-Istat.
Dawn il-miżuri, li ser jidħlu fis-seħħ mil-lum l-1 ta’ Lulju, jkomplu jisħqu dwar il-prevenzjoni tat-tixrid u l-protezzjoni tas-saħħa ta’ dawk li jipparteċipaw fil-Quddies. Filwaqt li għandhom jinżammu l-miżuri ta’ distanza soċjali u jinżamm livell għoli ta’ prekawzjoni, qiegħed jiġi mneħħi l-obbliġu tal-maskri u l-visors. Madanakollu huwa ferm rakkomandat li dawn jintlibsu. Persuni b’sintomi respiratorji jew ta’ influwenza xorta mhux ser jitħallew jidħlu.
Id-direttivi qegħdin jitolbu sabiex jiġi provdut santizer f’kull entratura, u min jidħol fil-knejjes m’għandux ikollu temperatura ogħla minn 37.2oC. Għalkemm, m’għadux obligatorju li tiġi meħuda t-tempartura, id-direttivi xorta waħda jsostnu li miżuri aktar eżiġenti ta’ prevenzjoni jistgħu jittieħdu skont iċ-ċirkustanza.
Il‑miżuri obbligatorji li ser jinżammu jinkludu:
- Id‑distanza soċjali ġol‑knisja ħlief għal persuni li jgħixu fl-istess dar
- It-Tqarbin ser jibqa’ jsir fl-idejn u fil‑post
- Ħasil regolari u ventilazzjoni tal‑knejjes
- Sanitiser fil‑bieb għall‑użu tal‑pubbliku
- Il‑fonti tal‑ilma mbierek jitħallew vojta
Id‑deċiżjoni tal‑Isqfijiet tat‑12 ta’ Marzu li għadda, li permezz tagħha l‑Insara ngħataw dispensa mill‑obbligu tal‑Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd, għalissa ser tibqa’ fis‑seħħ. L-Insara kollha, b’mod specjali il-persuni mhux vulnerabbli, huma mħeġġa jiċċelebraw b’mod partikolari jum il-Ħadd billi jattendu l‑Quddies fil-knejjes.
Id-direttivi aġġornati ġew ippublikati fuq il-website tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt.