Aġġornata: Tnejn maqtula u ħdax midruba wara li ħelikopter jidħol fi krejn u jaqa’ f’Londra

Żewġ persuni inqatlu u ħdax oħra indarbu ħekk kif ħelikopter ħabat fi krejn fuq skyscraper li għadu qed jinbena fi Triq South Bank fiż-żona ta’ Vauxhall, fin-nofsinhar ta’ Londra, viċin ix-xmara Thames.

Skont il-Pulizija Ingliża l-inċident ġara għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu, ħin Ingliż. Jidher li abbord il-ħelikopter kien hemm biss il-bdot. Malli ħabat mal-krejn, il-ħelikopter niżel fuq żewġ karozzi u sploda fit-triq.

Minħabba miżuri ta’ sigurtà kellha tingħalaq il-metro u madwar sittin ħaddiema tat-tifi tan-nar qed jippruvaw jikkontrollow in-nar.

Wisq probabbli, l-inċident ġara minħabba t-temp ikrah u l-viżibilità ħażina u kawża ta’ hekk il-bdot bilkemm seta’ jara l-bini.