AĠĠORNATA: Tagħlaq il-votazzjoni għall-Viċi Kap tal-PN

21:52: Jidher li Simon Busuttil ġab l-aktar voti imma għadu mhux ċar kisibx żewġ terzi

21:14: Ftit tal-ħin ilu wasal it-tieni kandidat, Tonio Fenech għal din il-kariga.

21:11: Fl-istamperija tal-PN għadu kemm wasal il-kandidat Simon Busuttil.

21:04: Għadha kemm għalqet il-votazzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN.

20:54: Minn tagħrif li għandu dan is-sit għadu kemm wasal fl-istamperija tal-PN il-Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi. Ftit tal-minuti oħra tagħlaq il-votazzjoni.

13:45: Hekk kif bħalissa għaddejja l-votazzjoni għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-PN, iż-żewġ kandidatii, jiġifieri ta’ Simon Busuttil u Tonio Fenech fuq il-paġna tal-facebook tagħhom ikkummentaw dwar il-votazzjoni. Il-Ministru Fenech kiteb l-ismijiet ta’ dawk il-Ministri u d-Deputati Nazzjonalisti li jidher li qed jappoġġjawh. Min-naħa l-oħra Simon Busuttil kiteb li: “Dalgħodu ivvutajt favur il-Partit. Ikun xi jkun ir-riultat ta’ din l-elezzjoni, il-Partit ser joħroġ rebbieħ”.

Iktar qabel: Illum għandu jiġi deċiż min se jkun il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, jekk hux il-Membru Ewroparlamentari Simon Busuttil jew il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech.

Il-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ġiet vakanti wara li Dr Tonio Borg ġie elett bħala Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Konsumatur. Kmieni dalgħodu l-Prim Ministru u Kap tal-PN, Lawrence Gonzi, s-Segretarju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier, il-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech u l-Ewro Parlamentari Simon Busuttil kienu minn tal-ewwel li vvutaw fl-elezzjoni għall-Viċi Kap tal-PN.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-votazzjoni se titmexxa mill-Ministru l-ġdid tal-Affarijiet Barranin Francis Zammit Dimech. Eliġibbli għal vot hemm madwar 900 delegat tal-PN, filwaqt li 50 Kunsillier kienu diġà xeħtu l-vot tagħhom il-ġimgħa l-oħra minħabba li llum ma setgħux. Minkejja li biex kandidat ikun dikjarat elett suppost irid iġib żewġ terzi tal-voti, fil-jiem li għaddew fil-Partit Nazzjonalista sar qbil li min jiġi t-tieni fil-voti għandu jaċċetta t-telfa.

Intant hu mifhum li numru ta’ delegati ma’ ġabrux il-vot tagħhom minħabba diversi raġunijiet, fosthom minħabba mard u safar.

Ritratti: Daniel Balzan