AĠĠORNATA: Simon Busuttil hu l-Viċi Kap il-ġdid tal-PN

22:43 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi rringrazzja lil Tonio Fenech u fakkar li hu l-Ministru tal-Finanzi tiegħu. Dr Gonzi qal li l-Gvern tiegħu rnexxielu jagħmel rekord għax il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat qallu li għamel baġit tajjeb. Iddeskriva lill-Partit Nazzjonalista bħala “Partit li jiġġedded”. Dr Lawrence Gonzi qal li dan iz-zmien hu proċess li jgħaqqad u jressaq lill-politiċi viċin in-nies. Qal ukoll “ejjew noħorġu, ejjew ħalli mmorru nħabbtu l-bibien … ejjew ħalli nirbħu l-elezzjoni li jmiss!”

22:34 Simon Busuttil il-Viċi Kap il-ġdid irringrazzja lill-membri tal-familja tiegħu ghas-sapport li tawh fl-aħħar jiem, lid-delegati u n-nies prezenti bħalissa fid-Dar Ċentrali. Irringrazzja wkoll lill ommu li tatu l-valuri morali u lil missieru li għallmu x’inhi d-determinazzjoni. Simon Busuttil sellem lil min kien Viċi Kap tal-PN fil-passat. Sellem lil Louis Galea tal-valuri soċjali, lill-Eddie Fenech Adami tal-ħolma li Malta tkun fl-Unjoni Ewropea u li saret reali. Simon Busuttil qal “li dan hu l-futur tal-pajjiz” u li tul dawn l-aħħar 25 sena kienu mimlija b’uċuh ġodda. Temm jgħid li se jaħdem biex l-elezzjoni ġenerali li jmiss terġa’ tintrebaħ mil-Partit Nazzjonalista.

22:14 Tonio Fenech beda jagħti diskors wara li Simon Busuttil ġie ddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni għal Viċi Kap. Il-Ministru Fenech indirizza lid-delegati tal-PN prezenti u qal li minkejja din l-elezzjoni kienet bejn tnejn, kemm hu kif ukoll Simon Busuttil għamlu minn kollox biex il-Partit Nazzjonalista jibqa’ magħud. Qal li minkejja r-rizultat se jibqa’ xorta waħda jaħdem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għaliex huwa “partit mimli b’enerġija u dinamizmu … għax aħna l-partit tal-bidla u mhux il-Partit Laburista”. Tonio Fenech għalaq id-diskors tiegħu billi qal li huwa kburi li hu Nazzjonalist.

22:11 L-atmosfera fid-Dar Ċentrali hi kemmxejn ferrieħija hekk kif in-nies prezenti qed jagħjtu “Simon, Simon”

Iktar qabel: Simon Busttil huwa l-Viċi Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista hekk kif irnexxielu jikseb 640 vot jiġifieri 72.4% tal-voti. Huwa qabeż il-kwota ta’ żewġ terzi. Kien hemm tliet voti invalidi. Il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech kiseb 241 vot, 27% tal-voti.

Għall-ħatra ta’ Viċi Kap b’kollox kienu eleġibbli jivvutaw 888 delegat tal-PN iżda ivvutaw 884. Kien hemm tliet voti li baqgħu ma nġabrux. 77 mill-voti kollha kienu ta’ Għawdxin.

Il-Kummissjoni Elettorali tal-votazzjoni tmexxiet mill-Ministru l-ġdid tal-Affarijiet Barranin Francis Zammit Dimech.

Il-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ġiet vakanti wara li Dr Tonio Borg ġie elett bħala Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Konsumatur.

Ritratti u Filmati: Daniel Balzan