Aġġornata: Quinton Scerri se jieħu passi biex inaddaf ismu

L-eks Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Quinton Scerri, permezz ta’ status fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook qal li hu qed jieħu l-pariri legali kollha biex jittieħdu passi kontra min allegatament “prova jħammeġ il-personalita’” tiegħu u “jinsulta l-vot qawwi u r-rieda ġenwina tal-poplu Żabbari.”
Ilbieraħ, Scerri ppreżenta r-riżenja tiegħu lis- Segretarju Parlamentari Stefan Bountempo. Dan wara li iktar kmieni, il-Bord tal-Governanza Lokali, fir-rapport tiegħu qal li Quinton Scerri mhuwiex persuna kredibbli u l-kunsilliera messhom taw vot ta’ sfiduċja fil-konfront tiegħu.
Ir-rapport, iffirmat miċ-Ċermen Dr Joe Mifsud, Dr Arthur Ellul u Dr Jonathan Mizzi, jissuġerixxi li l-bord stess ikollu s-saħħa legali li jxolji l-kunsill lokali f’każ li jkun hemm bżonn isir dan. Dan għaliex, kif qiegħda l-liġi s’issa, l-Bord m’għandux l-poter li jagħmel dan.
Il-Bord, fir-rapport li fih 18-il paġna, qal li l-konklużjonijiet imsemmija ħarġu minn allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet li kienu qed isiru mill-Kunsill u mis-Sindku nnifsu, li huwa ukoll impjegat bħala Segretarju Privat fi ħdan il-Ministeru tal-Affarjiet Interni.
Fost dawn l-irregolaritajiet, ir-rapport isemmi l-festival dinji tal-ikel u għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija li d-direttur tagħha kien jiġi mis-Sindku stess.
Il-Bord ikkonkluda billi qal li Scerri mexxa l-Kunsill b’mod irresponsabbli għall-aħħar.