Erin jgħid li qatt ma kellu relazzjoni sesswali ma’ Lisa Maria

Illum kompliet il-kumpilazzjoni ta' Erin Tanti, l-għalliem ta' 23 sena akkużat bil-mewt tat-tfajla Lisa Maria Zahra, li fid-19 ta’ Marzu ttellgħet mejta mill-irdum ta’ Ħad-Dingli.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli lbieraħ xehdet il-Prosekuzzjoni. Fost l-oħrajn instema' li waqt lezzjoni tad-drama kien staqsa lill-istudenti biex jibdlu l-ismijiet tagħhom għal dak il-jum, u hu bidel ismu għal Cliff Dingli.
Illum beda jixhed Is-Surġent Conrad Debattista li meta mistoqsi mill-Avukat ta' Erin Tanti qal li ma jafx għand min jinsabu l-oġġetti personali ta' Erin Tanti. Dwar l-arloġġ li ssemma' fil-Qorti lbieraħ, is-Surġent qal li dakinhar Erin kien ippreċiża li fl-4am stenbaħ wara li sar l-attentat, iżda mhux ċert jekk kellux arloġġ.
Il-mowbajls kienu l-aħħar mixgħulin bejn il-11pm u l-11.30pm
L-Ispettur Josric Mifsud qal li għamel it-talba lill-provedituri tas-servizz tal-mowbajls biex jagħtuhom il-lista ta' telefonati u fejn kienu jinsabu. Żied jgħid li minn dan irriżulta li l-mowbajls kienu mixgħulin l-aħħar bejn il-11pm u l-11.30pm u l-aħħar li kienu attivitati kien fin-Naxxar.
Omm Erin ratha stramba li ċemplilha biex jgħidilha li jħobbha 
L-Ispettur Mifsud qal li meta tkellmu ma' ommu, Caroline Tanti qalet li ratha stramba li Erin ċemplilha f'dawk il-ħinijiet biex jgħidilha li jħobbha, iżda qalet li kien jinstema' kalm.
Lisa rċeviet imejl mingħand omm Erin bil-biljetti tal-ajru
Żied jgħid li meta marru fir-residenza tal-familja Zahra u daħlu fil-kamra ta' Lisa l-kompjuter tat-tfajla kien mixgħul u kellha l-imejl miftuħa wkoll. Hemmhekk il-pulizija sabet żewġ imejls mingħand Caroline Tanti, omm Erin. Waħda mill-imejls kien fiha biljetti tal-ajru għall-bidu ta' Marzu. Qal li dak il-ħin ċempel l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u s-Sea Port.
Fil-ġakketta li kienet liebsa Lisa nstabu ċwievet u passaport ta' Erin
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-ġakketta li kienet liebsa Lisa kienet tal-irġiel u fiha kien hemm ċwievet tal-karozza ta' Erin u passaport tar-Renju Unit f'isem Erin Tanti u fih kien hemm ukoll biljetti tal-ajru u tal-Virtu Ferries. L-Ispettur Mifsud qal li Erin qallu li eżattament qabel l-attentat Lisa għajritu pussy.
Mill-awtopsja rriżulta li Lisa Maria kellha ksur f'rasha
Mill-awtopsja fuq il-katavru ta' Lisa Maria rriżulta li l-kawża tal-mewt kienet minħabba trauma fil-ġisem fosthom ksur f'rasha u diversi partijiet oħra. Mal-pulizija Erin qal ukoll li kellu f'moħħu li jitlaq minn Malta għax beża' li jiġi arrestat. 
Erin qal li qatt ma kellu relazzjoni sesswali ma' Lisa, l-investigazzjoni turi mod ieħor – L-Ispettur Mifsud
L-Ispettur qal li mal-pulizija Erin kien stqarr li qatt ma kellu relazzjoni sesswali ma' Lisa Maria, iżda mill-investigazzjoni tal-pulizija rriżulta li raqad għandha diversi drabi u mit-traċċi li nstabu jindika li kien hemm din it-tip ta' relazzjoni. 
Erin qal lil ommu li ma jridx jitfakkar bħala pedofelu
L-Ispettur Mifsud irrefera għall-ittra li Erin ħalla lil ommu fil-karozza fejn kitbilha li ma jridx jibqa' mfakkar bħala 'pedofelu'. Mistoqsi mill-Avukat ta' Tanti dwar l-investigazzjoni li l-Ispettur Mifsud għamel fuq il-kompjuter fil-kamra ta' Lisa, qal li m'għamilx sigħat fuq il-kompjuter tagħha. Spjega li fil-kamra ta' Lisa damu madwar siegħa.
It-teddy bears fil-kamra ta' Lisa ġew iċċekkjati mis-Surġent
Dwar it-teddy bears fil-kamra ta' Lisa Maria, l-Avukat Schriha f'isem Erin staqsa lill-Ispettur Mifsud jekk iċċekkjahomx. Iżda hu wieġeb li kienet is-Surġent li ċċekkjat it-teddy bears li kien hemm fil-kamra.
L-Avukat ta' Erin Tanti jsemmi li Erin mal-pulizija qal li ma qatilhiex hu
L-Avukat Schriha staqsa lill-Ispettur jekk fl-aħħar interrogatorju, laqtitux xi ħaġa milli qal l-akkużat. L-Ispettur Mifsud qallu li ma jiftakarx, u l-Avukat semmielu jekk jiftakarx li l-akkużat kien qal li ma qatilhiex hu. Dak il-ħin l-Ispettur qal li jiftakar. Żied jgħid li m'għandux recording jew transkritt tal-interrogazzjoni u nesa dan il-punt.

Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-28 ta' April fl-10 am.