AWDJO: Mass Meeting tal-PN f’Ħaż Żebbuġ

Il-PM u Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi appella lil-poplu Malti sabiex jagħraf id-differenzi li jeżistu bejn il-Partit Nazzjonalista u dak Laburista. Qal li filwaqt li l-Partit Laburista jipprova jaħbi atti kriminali, il-Partit Nazzjonalista jagħti proklama presidenzjali biex tinkiseb ġustizzja. Huwa għamel dan l-appell waqt li ndirizza mass meeting tal-PN f’Ħaz Zebbuġ. Dr Gonzi irrefera għall-każ tar-recording tad-Deputat Mexxej Laburista Dr Toni Abela li jinstema’ jirreferi għall-‘blokka l-bajda’. Il-PM iddeskrieva dawn l-istejjer bħala tal-waħx u skandalużi. Dr Gonzi temm jgħid li l-Partit Laburista lanqas ma lissen kelma waħda dwar kif se joħloq ix-xogħol fil-pajjiż għax qal li lanqas biss għandu idea.

Aktar kmieni:

17.14 Ejja nagħmlu riżoluzzjoni li nwasslu l-messaġġ lil dawk kollha li għadhom ma ddeċiedewx kif se jivvotaw. Il-PN huwa l-uniku partit li rnexxielu jikseb dawn il-fondi kollha mill-UE u li jista’ joffri s-serħan tal-moħħ lill-poplu Malti. Ilkoll ejjew immiddu jdejna biex inwasslu il-messaġġ bil-għan li nirbħu l-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu li ġej.

17.12 Il-PN jagħti l-proklama presidenzjali biex ma jinħbewx l-affarijiet. Il-PL jaħbi fl-interess partiġġjan. Araw id-differenza bejn iż-żewġ partiti

17.09 Jirreferi għall-każ tal-‘blokka l-bajda’ li fih hemm involut Dr Toni Abela. Iddeskrieva dawn l-istejjer bħala tal-waħx kif xi ħadd f’kariga daqshekk għolja li jaħbi att kriminali, minflok jagħraf ir-responsabbilta’ kbira fuq spellejh. Qal li Dr Abela għażel li jaħbi dan kollu sabiex il-PL ma jidhirx ikrah. Issa wkoll Dr Muscat qed jiddefendieh u dan ifisser li l-PL qed ifittex interess partiġġjan minflok il-ġustizzja

17.07 Staqsa jekk din hija l-bidla li jrid iġib il-Partit Laburista, ma għandniex x’irriduha

17.05 Meta wieħed jara dawn l-affarijiet mill-Oppożizzjoni, aħseb u ara x’se jiġri meta dawn in-nies ikunu fil-gvern

17.04 Araw ftit l-istejjer tal-ex deputat Mexxej Laburista Dr Anġlu Farrugia, il-kummenti tas-segretarju ġenerali tal-GWU Tony Zarb u l-aktar storja riċenti dwar ir-rekording tad-deputat Mexxej Laburista Dr Toni Abela

17.03 Il-maskra tal-PL qed tinkixef biċċa biċċa. Wara dik il-maskra hemm affarijiet imnawwra u li huma ta’ inkwiet kbir għal pajjiż

17.01 Gvern Nazzjonalista se jkun qed jikkredita l-bolla tal-istudenti sakemm ikunu qed jistudjaw

17.00 L-istipendji għall-istudenti se jkompli jissaħħu u jitjiebu pro-rata skont l-għoli tal-ħajja

16.57 L-aħħar ħames snin kienu iebsin. Bil-għaqal tal-PN u tal-poplu Malti, tista’ tintrebaħ kull sfida li tiġi taħt idejn il-poplu Malti. Nafu x’qed jiġri f’pajjiżi qrib Malta li għaddejin minn inkwiet kbir gġax ma żammewx il-finanzi ta’ pajjiżhom fis-sod

16.52 Il-PL lanqas ma qal kelma waħda dwar kif se joħloq ix-xogħol fil-pajjiż għax lanqas biss għandu idea. Ejja nafdaw lill-PN. Staqsa jekk hemmx raġuni waħda għaliex Dr Joseph Muscat għandu imexxi l-pajjiż meta kien hu stess li għamel tant proposti ekonomiċi żbaljati, li kien kontra s-sħubija ta’ Malta fl-UE, li kien kontra r-riforma fit-tarznari, li kien jgħid li l-istipendji m’humiex sostennibli. Staqsa wkoll kif tista’ tafda lil xi ħadd li jrid jibni power station li taħdem bil-gass bil-perikli kolla marbuta ma din il-proposta

16.48 Dawn il-fondi se jintużaw għall-ħolqien tax-xogħol, l-industrija u l-fabbriki Maltin, biex jgħinu lin-negozji ż-żgħar u lil dawk li jaħdmu għar-rashom. L-ekonomija trid tibqa’ kompetittiva. Fit-tlett snin li ġejjin, it-taxxa fuq id-dħul se tkompli tinżel. Il-fondi se jintużaw ukoll għat-turiżmu, għall-gżira Għawdxija, għan-nies qiegħda, għan-nisa’ li jaħdmu, pensjonanti kif ukoll opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ

16.45 F’dawn it-tlett ġimgħat li fadal għall-elezzjoni ġenerali, jappella lil dawk li huma bierda mill-politika jew mill-PN sabiex ma jieħdux sogru u jżommu dejjem quddiem għajnejhom id-differenza li hemm bejn il-PN u l-PL. Għall-PL, is-somma li kisbet Malta mill-UE ma tfisser xejn u jrid jaħbiha. Sostna li l-PL sar espert ta’ kif jaħbi l-affarijiet

16.43 Il-pakkett finanzjarju ta’ 1,128 Ewro li ħadet Malta mill-UE jindika s-suċċess u l-fama tajba, ir-rispett u l-kreddibiltà li kisbet Malta fuq il-mejda tan-negozjati mal-pajjiżi l-oħra tal-UE

16.40 Jibda d-diskors tiegħu il-Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi li jgħid li l-PN lest għad-9 ta’ Marzu li ġej. Isellem liż-żgħażagħ li qal li dak li jridu huwa x-xogħol għall-karrieri tagħhom. Din hija wiegħda ċentrali għall-Partit Nazzjonalista

16.17 Jibda jindirizza lil dawk preżenti Dr Simon Busuttil

16.11 Jitla’ fuq il-palk ewlieni il-Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi flimkien mal-Viċi Kap Dr Simon Busuttil li qed isellmu lill-folla preżenti

15.38 Il-folla tistenna l-wasla tal-Kap u tal-Viċi Kap Nazzjonalista f’Ħaż Żebbuġ. Dr Simon Busuttil jasal wara l-palk prinċipali